Marianne marret Londra għas-‘Sales’… imma sabet ‘xi ħaġa’ oħra

Mimdud fuq biċċa kartuna fuq bankina fil-qalba ta’ Londra kien hemm ġuvni b’bott żgħir f’idu.

Min jaf, forsi xi ħadd minn dawk il-ħafna nies għaddejjin mgħaġġlin jixtru r-rigali mill-ħwienet enormi li hemm f’dawn it-toroq jieqaf jitfagħlu xi ħaġa tal-flus! Imma le, ħafna lanqas biss taw kasu u baqgħu għaddejjin. Mid-dehra kienu drawh mitluq hemm fuq il-kartun, lejl u nhar, sajf u xitwa. Forsi qatgħuha li messu mar jaħdem. Inkella beżgħu li jekk jagħtuh xi flus jispiċċa jberbaqhom fid-drogi. Ħdejh kien hemm l-uniku ħabib li kellu: il-kelb. Trid tarahom iżiegħlu b’xulxin u jitgeddsu flimkien fil-kesħa qalila ta’ Diċembru!

Marianne ħarset lejh u għall-ewwel baqgħet miexja mal-kumplament ta’ ħbiebha li flimkien kienu siefru biex jaraw wieħed mill-musicals favoriti tagħhom. Kienu mgħaġġlin wisq, deħlin u ħerġin minn ħanut għal ieħor, jixtru ħwejjeġ u rigali għal xulxin. Iżda f’qalbha ħasset lil min jgħidilha: “Ieqaf ftit u mur agħtih xi ħaġa. Se tonfoq tant flus f’rigali u ħwejjeġ! Dan bħalissa għandu bżonn min jgħinu u int jekk trid tista’ tgħinu.”

Għal dawn il-kelmiet daret lura u resqet lejn il-ġuvnott li jgħix fuq bankina. Tagħtu xi ħaġa tal-flus flimkien ma’ pakkett ikel u xarba li kienet għadha kemm xtrat għaliha. Hekk kif tathomlu, għajnejn il-ġuvnott xegħlu bil-ferħ. Feraħ li minn fost dawk in-nies kollha mexjin madwaru kien hemm xi ħadd li waqaf u ħaseb fih. Mal-ħoss tal-flus neżlin fil-bott irringrazzjaha, imma mhux biss; berikha wkoll u bil-ferħ qalilha, “God bless you, God bless you!

Ma’ dal-kliem Marianne ħassitha emozzjonata ħafna u għajnejha mtlew bid-dmugħ. Xtaqet kieku tkellmu ftit imma bejn li ma kenitx taf x’se taqbad tgħidlu u bejn li sħabha bdew jgħajtulha biex tħaffef, kellha titlaq minn ħdejh. Bejnha u bejn ruħha bdiet tgħid, “Kif jista’ jkun li dak il-ġuvnott, żdingat, mitluq fuq il-bankina, irnexxielu jgħidli God bless you?”

U fehmet li bil-mod tiegħu għaraf japprezza l-ftit flus li kien irċieva mingħandha, u ta’ dan il-ftit, li għalih seta’ fisser ħafna, irringrazzjaha u berikha wkoll!

Waqfet tirrifletti dwar kemm kienet qed taħli flusha f’dak li mhux tassew bżonnjuż. Ħasbet kemm dak kollu li kienet se tkompli tixtri kien se jkun kollu żejjed għaliha u li fil-verità ma kellhiex bżonnu. Imma hekk kienet imdorrija tagħmel f’dawn il-ġranet tal-Milied: xiri, rigali, ikliet ma’ ħbiebha, safar u divertiment. Fihom infushom xejn ħażin!

Lil Marianne tant impressjonawha dawk il-kelmiet God bless you li lissen dak il-ġuvni li ddeċidiet li dakinhar, minflok tixtri ħwejjeġ għaliha, tixtri ġakketta u sleeping bag ħoxna għalih. U hekk għamlet. Xtrathom u reġgħet marret ħdejh tagħtihomlu. Kellmitu ftit u staqsietu jekk xtaqx xi ħaġa li setgħet tixtrilu bħala rigal tal-Milied. Hu qalilha, “Bħalissa għandi bżonn par ingwanti, xalla u beritta tas-suf. Għandi bżonn ukoll persuni bħalek li jistgħu jgħinuni b’xi mod.”

Fil-ftit jiem li għamlet Londra, Marianne rat realtà li qatt ma kienet immaġinat li teżisti qabel. Baqgħet taħseb ħafna dwar dak il-ġuvni u nies oħrajn bħalu li jgħixu barra fit-toroq waqt li hi tgħix komda ġo dar mal-familja tagħha fejn ma jonqosha xejn. Issa ħassitha involuta wisq u ma setgħetx tħalli kollox għaddej. Iddeċidiet li fil-jiem li ġejjin tingħaqad ma’ xi għaqda li tagħti kenn lil żgħażagħ bla saqaf fuq rashom, bħal dak il-ġuvni. B’dan il-pass se tagħti l-isbaħ rigali: ħinha u lilha nnifisha biex taqdi lil ħaddieħor.

Diċembru 2016