Ferħ u tbissima fuq wiċċ it-tfal!

Nhar id-19 t’Awwissu  2019 ġew ippreparati u animati diversi prayer spaces mibnija fuq l-Għanja tal-Ħlejjaq, lit-tfal tal-klassijiet kollha li jattendu Skolasajf f’Gozo College Sannat Primary and Special Unit. 


Hekk kif bdejna nilqgħu lit-tfal, xi wħud għarfuna mis-sena preċedenti u kienu entużjasti biex jibdew jagħmlu l-eżerċizzji ppreparati għalihom fuq kull station flimkien ma’ sħabhom ġodda ta’ din is-sena. 


Il-ġnien sabiħ ta’ din l-skola offra spazju tajjeb biex it-tfal ikunu jistgħu jiskopru x’kien hemm lest għalihom f’kull rokna tal-ġnien armata b’temi bi stations differenti fuq xiex setgħu jirrifflettu u jitolbu.

Fuq l-istation Ħuna t-Temp,  it-tfal ħarsu lejn is-sema u raw  il-ġmiel u l-kobor. Imbagħad għalqu għajnejhom u ħassew iż-żiffa ħelwa ma’ wiċċhom biex imbagħad fuq il-platti tal-kartun pinġew dwar l-istaġun favorit tagħhom u kitbu talba ta’ringrazzjament.

 
F’Ħuna l-ilma, ħasbu dwar l-importanza tal-ilma safi u li jgħajjex kull maħluq.  It-tfal ħasbu ukoll kif l-ilma jista’ jirrilassana. Huma ħadu aqua bead f’idhom hekk kif ħasbu f’dik ix-xi ħaġa li qed tinkwetahom. Talbu l’Alla jgħinhom fiha waqt li niżżlu l-aquabead bil-mod fl-ilma.
 
Aquabeads – L-ilma li jirrilassa
 
It-tfal ħadu gost jiżirgħu żerriegħa tas-sunflower u ħaduha magħhom id-dar. Hawnhekk it-tfal apprezzaw kemm minn żerriegħa ċkejkna, jekk tieħu ħsiebha tikber fjura sabiħa. Hekk ukoll il-ħbiberiji ta’ bejnietna jikbru meta nieħdu ħsieb u nħobbu lil xulxin.
 
 
 
 
Fil-kamp, għaddew ftit minuti mingħajr ma jitkellmu biex b’hekk japprezzaw il-kwiet. Dawn kienu mumenti prezzjużi ħafna fejn min ried tkellem ma’ Ġesu f’qalbu.
Napprezzaw is-silenzju


Fil-prayer space Oħtna l-Art, ħsibna kemm l-art tgħajjixna u tagħti frott u ħxejjex ta’ kull xorta.

It-tfal kitbu talb ta’ maħfra fuq forom ta’ frott għal kemm -il darba gergru li l-ikel mhux tajjeb, ħlewh u ramewh.


 

Nitolbu maħfra għall-ħela tal-ikel li armejna

 

 
 

Talbu għal dawk in-nies morda kemm membri tal-familja jew xi ħadd ieħor  li jafu u li għaddejin minn xi forma ta’ tbatija. Huma kitbu t-talb tagħhom fuq sodod tal-karti u dendluhom.

 
 
Nitolbu għall-morda


Fuq il-mappa tad-dinja, it-tfal talbu għal tfal bħalhom madwar id-dinja li m’għandhomx affarijiet bażiċi bħal ikel, ilma, dar, edukazzjoni minħabba diversi raġunijiet. Huma qalu ukoll kif jistgħu jgħinu biex itejbu l-ħajja ta’ dawn it-tfal.

Niltobu għat-tfal fid-dinja
Bnejna katina twila ta’ ħbiberija u rringrazzjajna lil Alla tal-ħbieb tajba li għandna, ta’ kemm inħobbu u nirrispettaw lil xulxin.

 

 
Katina tal-ħbieb
 
Fl-aħħar ta’ din l-esperjenza, it-tfal kitbu dwar l-aktar prayer space li għoġobhom u għala.
 
 
Reazzjoni tat-tfal
 
L-edukaturi kellhom kliem ta’ nkorraġiment għal dawn l-ispazji ta’ talb li ġew offruti u kitbu hekk:
 
“Kienet attività interessanti ħafna għaliex kienu mumenti sbieħ fejn jirnexxielek aktar tirriffletti fuq l-ambjent ta’ madwarek u r-relazzjoni mal-oħrajn. Kemm għandna affarijiet sbieħ madwarna. Aħseb u ara kemm hu sabiħ u kbir min ħalqu!”

“Prayer Spaces kienu informattivi u interessanti. It-tfal ħadu gost u apprezzaw dak kollu li għamlu. Grazzi tal-paċenzja kollha li ħadtu bina.”

“It-tbissima fuq wiċċ it-tfal tixhed li ħadu gost u bqajt mistagħġba kemm kitbu talb sabiħ”


“Is-sena l-oħra kont hawn ukoll ma’ grupp ta’ tfal.  Niftakrhom baqgħu jirrakuntaw kemm ħadu gost jagħmlu prayer spaces. din is-sena kont ħerqan inġib gruppi tat-tfal oħra biex huma ukoll jagħmlu prayer spaces.”


“Verament tgħinhom jitolbu b’mod naturali u mill-qalb.  Kien hemm min ried jikteb aktar minn talba waħda u anke jerġa jidħol fil-kamp għall-kwiet.”


“Grazzi tax-xogħol  u l-affarijiet li ġarrejtu magħkom. Napprezzaw u kienet worth it!”