Fuq stedina mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, Silvana Cardona, nhar il-Ħadd 27 ta’ Novembru 2022 għamlet sessjoni ta’ qari bil-Malti għat-tfal waqt il-Fiera Nazzjonali tal-Ktieb, fl-MFCC Ta’ Qali. Hija qrat u animat storja bl-isem Dinja Waħda mill-ktieb Spazju għal Qalbi, flimkien ma’ attività riflessiva ta’ tallb.

Il-faċċata tal-Ktieb

Fil-bidu tas-sessjoni, hija ntroduċiet il-ktieb billi qrat it-titlu tal-ktieb, l-isem tal-awtriċi u l-illustratur. Hija stiednet lit-tfal iħarsu lejn il-faċċata tal-ktieb u jgħidu x’qed jaraw; qalb magħmulha mill-fjuri kkuluriti.  It-tfal tkellmu dwar kemm huma stess iħobbu l-fjuri kkuluriti u li jieħdu ħsieb isaqqu l-pjanti tagħhom fid-dar.

Il-Ħarsetta

Kif qrajna l-ħarsetta, it-tfal innutaw li l-ktieb fih ħdax-il storja mibnija fuq avventuri li jgħaddu minnhom tfal bħalhom.

QR code

Qallibna fil-paġni tal-ktieb u rajna li kull storja fiha QR code. Minnufih it-tfal qalu xi jfisser dan il-QR code u ħeġġew lill-ġenituri tagħhom biex jiskennjawh. Dan il-QR code ħadhom fl-istejjer moqrija, irrekordjati u mtellgħin fil-website sds.mt u b’hekk jistgħu jisimgħuhom id-dar ukoll.

Storja b’attività riflessiva ta’ talb

L-istorja li nqrat kien jisimha Dinja Waħda fejn iltqajna ma’ tifel li jħobb il-futbol. It-tfal preżenti saru parti mill-istorja hekk kif semmew li huma wkoll jilagħbu l-futboll, sport ieħor jew żfin. Bħalma Karim fl-istorja imur nhar ta’ Sibt għat-trejning, huma semmew il-ġranet tat-trejning tagħhom, ma’ liema tim jilagħbu u kemm jifirħu meta jiskurjaw xi goal. Semmejna l-logħob tat-tazza tad-dinja 2022 li għaddej bħalissa u d-diversi pajjiżi li qed jikkompetu. Ħarisna lejn il-globu tad-dinja u sibna wħud minn dawn il-pajjiżi.

Fil-half time tal-logħba, Karim waqaf iħares lejn bord b’mappa tad-dinja u beda jfittex pajjiżu u jiftakar fil-qraba tiegħu li qed ibatu l-gwerra.

Dan il-ħin Silvana stiednet lit-tfal biex huma wkoll jiftakru f’tant nies li jgħixu f’diversi pajjiżi madwar id-dinja nkluż Malta li ġratilhom xi ħaġa negattiva bħal terremot, għarar, gwerer u ġlied u jieħdu poster bl-istampi ta’ dawn il-ġrajjiet.

It-tfal semmew il-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrejna, il-maltempata tal-bieraħ f’Ischia l-Italja li ġarret id-djar u l-karozzi u mietu xi persuni, l-ilmijiet li għamlu f’Malta lbieraħ u llum u kif huma wkoll għaddew bil-karozza minn ħafna ilma u raw siġar mqaċċtin.

Komplejna bil-qari tal-istorja, imbagħad it-tfal ingħataw karta bajda u kuluri biex ipinġu d-dinja jew il-bandiera tal-pajjiż li xtaqu jitolbu għalih jew għal qrabathom u jiktbu r-riflessjoni tagħhom.

It-tfal urew it-tpinġijiet u t-talb lil xulxin u lill-ġenituri li kienu qegħdin bil-wieqfa warajhom jisimgħu l-istorja magħhom ukoll.

Tgħidx kemm pinġew sabiħ bil-kelma PAĊI tispikka fuqhom!

Grazzi lill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu u lit-tfal li pparteċipaw f’din is-sessjoni ta’ qari.