Tlift ħabib, imma l-kliem li qalli għadu jidwi f’widnejja u se jibqa’ ttimbrat f’moħħi.

Il-mewt għal għarrieda tal-ħabib tiegħi ħasditni u xxukkjatni. Ma ridtx nemmen li kien miet. Staqsejt ħafna mistoqsijiet għala ħajtu kellha tintemm daqshekk malajr imma ma sibt l-ebda risposta. Issa għadda ftit żmien mill-mewt tiegħu u tgħidx kemm nimmissjah, imma l-ħbiberija u l-ħajja sempliċi li għex se nibqa’ ngħożżhom. Fost il-kwalitajiet sbieħ li kellu kienet tispikka l-għajnuna li kien jagħti lill-batut u lill-fqir; kellu mħabba speċjali għalihom u dejjem għamel kulma seta’ biex jgħinhom. Il-ħajja eżemplari tiegħu għallmitni kif għandi nġib ruħi mal-ħbieb u kif jien ukoll inkun ħabib ġenwin għall-oħrajn.

Nixtieqek tkun onest miegħek innifsek biex int ukoll tara x’tip ta’ ħabib inti:

  • Taċċetta lill-ħbieb tiegħek kif inhuma, jew tkun trid li jinbidlu għall-gosti tiegħek?
  • Turi rispett lill-ħbieb kollha, jew biss lil ċerti ħbieb li għandhom il-flus?
  • Tifraħ mal-ħabib tiegħek meta jiċċelebra s-suċċess tiegħu, jew tgħir għalih?
  • Iċċemplilhom xejn lill-ħbieb biex tgħidilhom xi ħaġa sabiħa, jew iċċemplilhom biss meta jkollok bżonnhom?
  • Taċċetta li l-ħbieb tiegħek jista’ jkollhom ħbieb oħra apparti minnek, jew tridhom għalik biss?
  • Tieħu gost tiddiskuti mal-ħbieb, jew dejjem tinsisti li tgħaddi tiegħek?
  • Meta l-ħbieb jgħaddu minn xi ċirkustanza kerha, tkun hemm għalihom, jew iddabbar rasek biex ma teħilx magħhom?
  • Tiġbed l-attenzjoni tal-ħbieb tiegħek bil-kwiet u r-rispett, jew bl-għajjat u l-istorbju?
  • Lest li tifhem lill-ħbieb tiegħek, tismagħhom u tinkuraġġihom biex isibu spalla fuq min iserrħu?
  • Meta ma taqbilx mal-ħbieb tissuppervja malajr?
  • Għandek paċenzja mal-ħbieb, jew titlef il-paċenzja malajr?
  • Kemm int lest toħroġ mill-ħajja komda tiegħek u tmidd idejk biex tgħin lil xi ħabib fil-bżonn?
  • Taqsam xejn mill-affarijiet li għandek mal-ħbieb, jew tiekol u tixrob waħdek?
  • Tiftaħ għajnejn il-ħbieb meta jkunu se jagħmlu xi ħaġa ħażina jew li biha se jidħlu f’inkwiet kbir?
  • Temmen verament li jekk issib ħabib ta’ veru tkun sibt teżor? Hekk insibu miktub f’Bin Sirak: “Kenn sod il-ħabib ta’ min jafda fih, u min isib wieħed ikun sab teżor” (Sir 6:14).

Grazzi, Mulej, tal-ħbieb ta’ vera, għax fihom nara l-imħabba vera tiegħek! Għinni nkun ħabib ġenwin jien ukoll, biex fija jaraw l-imħabba tiegħek! U bilħaqq, lill-ħabib tiegħi nitolbok tagħtih il-mistrieħ ta’ dejjem!

Novembru 2017