Sessjonijiet ta’ ‘Soul Speak -Titkellem Ruħna’ Jispiraw Kittieba Żgħar u Ħassieba Riflessivi
L-Iżvilupp Spiritwali fl-Iskejjel, f’kollaborazzjoni ma’ L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, organizzaw b’suċċess erba’ sessjonijiet ta’ kitba, qari u riflessjoni bl-isem ta’ ‘Soul Speak -Titkellem Ruħna’ għal studenti tas-Sena 4.1 u Sena 4.2 fil-Kulleġġ San Nikola, Skola Primarja Anton Agius, Rabat. Dawn is-sessjonijiet interattivi taw opportunità unika lit-tfal biex jesploraw il-Proċess tal-Kitba u l-spiritwalment permezz ta’ attivitajiet kreattivi u riflessivi.
Ħarsa Ġenerali – Sessjoni 1-4
L-ewwel sessjoni ffokat fuq l-identità personali, fejn l-istudenti skoprew x’jagħmilhom uniċi u speċjali permezz ta’ attivita tal-marki tas-swaba’, kitba ħielsa, u storja animata bl-isem ‘Saba’ Uniku’. Wara l-brejk, l-istudenti kellhom mument ta’ meditazzjoni biex isibu sens ta’ paċi nterjuri. Wara esperjenzaw spazji ta’ talb marbutin mal-ħames sensi, akkumpanjati minn mużika fl-isfond. Is-sessjoni kompliet b’attivitajiet ta’ strateġija ta’ qabel il-kitba, fejn l-istudenti użaw is-sensi biex jiktbu dwarhom infushom, u ntemmet b’nota ta’ rispons.
It-tieni sessjoni, bit-tema tal-imħabba u l-ferħ li naqsmu flimkien, bdiet b’filmat qasir dwar l-attijiet ta’ tjubija. L-istudenti kellhom ħin għal kitba ħielsa, ħolqu basket tat-tjubija bl-użu tal-bank tal-kliem, u użaw strateġija oħra ta’ qabel il-kitba—mistoqsijiet ‘Wh’—biex jiktbu messaġġ ta’ tjubija lil xi ħadd għażiż għalihom. Wara esperjenzaw spazji ta’ talb fosthom ‘Pipe Cleaner People’, ‘Nistadu għat-Tjubija u ‘Naqbżu bil-Ferħ’. L-istudenti esprimew il-mumenti favoriti tagħhom fuq il-Journal tagħhom u kitbu dwaru.
It-tielet sessjoni ffukat fuq L-inkwiet u kif nitilqu. Din is-sessjoni fetħet bl-istorja animata ‘Il-Luzzu tan-Nannu’, segwita minn meditazzjoni. Wara esperjenzaw spazji ta’ talb li għinuhom jiktbu l-biżgħat tagħhom permezz ta’ ‘Dgħajjes ta’ Nkwiet’, ‘Ilma li Jirilassa’, u ‘Erfa’ l-Piż’. Wara l-brejk, it-tfal ingħataw strumenti biex idoqqu u jkantaw permezz ta’ filmat qasir bl-azzjonijiet. Dan serva ta’ spunt biex kitbu l-ewwel abbozz dwar kif jistgħu jkunu strument ta’ ferħ għall-oħrajn. Ħadmu f’pari biex jagħtu rispons lil xulxin dwar l-abozzi li kitbu u kellhom iċ-ċans li jirrevedu u jeditjaw il-kitba tagħhom.
L-aħħar sessjoni tkellimna dwar it-temi tal-ħbiberija u l-kunflitti. L-istudenti għamlu mima tal- istorja animata bl-isem ta’ Kastell fir-Ramel, fejn raw li meta wieħed jaħfer, terġa tinbet il-ħbiberija. L-istudenti bnew kastelli tar-ramel ukoll.
Wara l-brejk, l-istudenti għamlu mument ta’ meditazzjoni. Komplew jirriflettu fuq l-ispazji ta’ talb ‘Katina ta’ Ħbiberija, ‘Ramel ta’ Maħfra’, u ‘Talb Jigsaw’. Kitbu l-ħsibijiet tagħhom fuq il-Journal u min xtaq, qasam il-kitba tiegħu mal-oħrajn.
Fl-aħħar ta’ din is-sessjoni, l-istudenti mlew ir-rota tal-Proċess tal-Kitba, bil-ħames stadji tal-kitba. L-istrateġija tas-‘Siġġu tal-Awtur’ tat spazju lill-istudenti biex jippreżentaw il-kitbiet u r-riflessjonijiet tagħhom quddiem il-klassi kollha. Is-sessjonijiet ingħalqu b’ċelebrazzjoni fejn l-istudenti ngħataw ċertifikat bħala rikonoxximent tal-parteċipazzjoni tagħhom.
Esperjenza li Tħalli Effett
Is-sessjonijiet ‘Soul Speak-Titkellem Ruħna’ kienet esperjenza b’saħħitha li għaqqdet l-iżvilupp tal-litteriżmu mat-tkabbir personali u spiritwali.
X’qalu l-għalliema:
- “Is-sessjonijiet kienu interessanti ħafna. L-istudenti kienu mħeġġa biex jipparteċipaw fl-attivitajiet kollha u ħerqana għall-attivitajiet ta’ talb interattiv u kreattiv.”
- “Il-ħaddiema pastorali kienu paċenzjużi ħafna u ppreparati tajjeb.”
X’qalu t-tfal:
- “Ħadt gost ħafna bl-attivitajiet kollha tat-talb, l-istejjer, il-journaling u l-pożittività. Ħadt gost nikteb stejjer u npinġi fil-Journal tiegħi.”
- “Għoġobni l-mument meta dħalna ġewwa d-dgħajsa u ktibna l-inkwiet tagħna fuq dgħajjes tal-karti.”
- “Għoġbitni t-teknika tar-rispons bejn il-pari biex nirrevedi l-kitba tiegħi.”
- “Ħadt gost bl-istorja Kastell fir-Ramel u r-rwol li ħadt. Li tgħid skuża u terġa’ ssir ħbieb hija tal-għaġeb.”
It-tim tal-SDS jirringrazzja mill-qalb lill-Kap tal-iskola , l-SLT, l-għalliema u l-edukaturi għall-appoġġ u d-dedikazzjoni tagħhom biex dawn is-sessjonijiet ikunu ta’ suċċess. Radd ta’ ħajr speċjali lil Fr Joe Mizzi, Religious Counsellor tal-iskola.