Ta’ spiss nisma’ lil ommi tgħidli biex it-taraġ ninżlu sew u naqta’ l-vizzju li għandi li naqbeż it-taraġ tnejn tnejn sa ma nasal isfel. Imma jien l-hena tiegħi naqbeż waqt li ommi tkompli tgħidli, “Għad tieħu tarġa b’oħra, titgerbeb u tispiċċa wiċċek ’il fuq l-isptar!”

Kemm tinkwieta għalija miskina! Dan l-aħħar ikkonfondiet sew meta, minflok ratni naqbeż it-taraġ biex ninżlu, ratni nieqaf isfel mat-tarf tal-poġġaman, inħares sew lejn il-medda tiegħu u noqgħod naħseb ftit. Ommi ma kenitx qed tifhem għala kont qed nagħmel hekk.

Imma jien, kull darba li kont inħares u nifli dak it-taraġ, kont nistaqsi mistoqsija importanti lili nnifsi: “Fil-ħajja tiegħi fuq liema tarġa wasalt? U jekk għadni ma wasaltx, x’qed iżommni milli nasal?”

U bdejt nilgħab logħba mat-taraġ. Ma’ kull tarġa bdejt nieqaf nirrifletti dwar ħajti. Għall-bidu kont inqatta’ ħafna ħin fuq l-ewwel tarġa, naħseb dwar xi ħaġa li veru nixtieq nagħmel imma li għal xi raġuni kont inħossni naqta’ qalbi u ma nagħmilhiex.

Imbagħad bdejt nitla’ sat-tieni tarġa. S’issa kont għadni b’qalbi maqtugħa, konvint li m’iniex kapaċi nwettaq dak li nixtieq. Mat-tielet tarġa ħassejtni nqum bilwieqfa u ngħid lili nnifsi: “Iva, jien irrid nagħmilha!”

Issa kont wasalt fuq ir-raba’ tarġa u ħsibt dwar kif irrid nasal għal dak li rrid nagħmel. Tlajt il-ħames tarġa! Fuqha għedt li minkejja xi diffikultajiet li nista’ nsib ma’ wiċċi, se nibqa’ ngħid li se nipprova xorta waħda.

Fuq is-sitt tarġa kont konvint li jien kapaċi nagħmilha u li jiġri x’jiġri rrid inpoġġi moħħi hemm u nagħmilha żgur. U meta fl-aħħar tlajt fuq l-ogħla tarġa, rajt lili nnifsi b’idi mgħollija ’l fuq, ferħan se ntir li dik il-ħaġa li xtaqt nagħmel, irnexxieli nagħmilha u b’sodisfazzjon għajjatt, “IVA, għamiltha!”

U din il-‘logħba’ tat-taraġ għallmitni li ħajti tixbah it-taraġ: biex nasal fuq irrid immidd l-ewwel pass u nitilgħu tarġa tarġa. Tgħallimni wkoll li anki jien kapaċi nagħmel xi ħaġa tajba u sabiħa billi nemmen fija nnifsi, inwarrab il-qtigħ il-qalb, infittex informazzjoni kif nagħmilha u, minkejja kollox, nibqa’ nipprova sakemm fl-aħħar nasal biex nifraħ b’dak li nkun irnexxieli nwettaq. Kont se nistaqsik: Fil-ħajja personali tiegħek fuq liema tarġa wasalt?

Settembru 2017