Żewġt aħwa ġuvintur, li kienu siefru mal-ġenituri tagħhom meta kienu żgħar, ftiehmu li għall-Milied imorru jżuru b’sorpriża lill-uniku nannu tagħhom li kien baqgħalhom ħaj. Ftit kienu jafuh għajr mir-ritratti u meta xi drabi kienu jkellmuh fuq it-telefon.

Lestew il-bagalji u fost l-affarijiet li ppakkjaw ħadu magħhom diversi albums tar-ritratti biex meta jaslu għandu juruhomlu u jirrakkuntawlu l-esperjenzi tal-familja tagħhom.

Kemm ħassu kuntent in-nannu li fl-aħħar ta’ xjuħitu kellu x-xorti jara lil dawn iż-żewġt ġuvintur neputijiet tiegħu! Għalkemm huwa kien imdaħħal sew fiż-żmien kellu memorja tajba ħafna u waqt li bdew jitkellmu u jaraw ir-ritratti flimkien qasam magħhom xi ġrajja ħelwa minn ta’ tfulitu wkoll. B’entużjażmu kbir bdew jaraw album tar-ritratti wara l-ieħor.

Issa kienu waslu fl-album tar-ritratti tal-Milied. Iż-żewġ ġuvintur tbissmu meta raw lilhom infushom ta’ età ċkejkna fir-ritratti bilqiegħda f’ħoġor il-Father Christmas bir-rigali f’idhom jew fuq l-islitta taċ-ċriev. In-nannu tpaxxa wkoll jarahom, u semagħhom b’attenzjoni waqt li rrakkuntawlu dwar il-festini li kien ikollhom mal-familja.

Kif lestew iqallbu f’dan l-album, in-nannu ħares lejhom u talabhom jagħtuh l-album f’idu. Bil-galbu ħares lejn ir-ritratti u qalilhom: “Ara, għandkom ħafna ritratti sbieħ f’ħoġor Father Christmas, imma kontu tafu li Ġesù jagħtik l-opportunità biex tintelaq tistrieħ f’idejh?”

“U naħseb,” kompla jgħidilhom, “li Father Christmas sar jaf x’jisimkom dakinhar li ħadtu r-ritratt miegħu, hux hekk? Kunu afu li Ġesù jafek personalment qabel ma sawrek f’ġuf ommok, u mhux biss jaf fejn toqgħod imma wkoll il-passat u l-futur tiegħek. Saħansitra jaf kemm għandek xagħar fuq rasek! U waqt li Father Christmas jgħix fil-Pol Nord u jiġi darba biss fis-sena, Ġesù jgħix kullimkien u dejjem preżenti magħna.

“Ħarsu lejn dan ir-ritratt ta’ Father Christmas nieżel maċ-ċumnija minn jeddu,” kompla n-nannu. “Kunu afu li Ġesu jieqaf mal-bieb iħabbatlek u jidħol biss għandek meta qalbek tkun lesta li tiftaħlu. U araw dawk il-kalzetti tal-Milied mimlija ħelu. Ftakru li Ġesu twajjeb u mimli ħlewwa u mħabba u jipprovdilek dak kollu li teħtieġ.” Fl-aħħar, in-nannu qalilhom, “Għeżież neputijiet, meta tħarsu lejn ir-ritratti tagħkom bir-rigali f’idejkom ftakru li intom stess rigali sbieħ f’għajnejn Alla li ħalaqkom xbieha tiegħu u l-mod kif tgħixu ma’ xulxin se jkun ir-rigal tagħkom lejn Alla u lejn il-proxxmu.”

Diċembru 2017