Din kienet mistoqsija li sħabi u jien ippruvajna nwieġbu waqt li konna qed niddiskutu fi grupp.
“Aħsbu ftit,” qalulna. “Id-dinja għalik tfisser id-dar tiegħek? Il-garaxx fejn tintefa’ tarma l-karozza ma’ sħabek? Il-bandli tar-raħal? It-triq fejn tiġri bir-rota? Iċ-ċentru taż-żgħażagħ? Jew id-dinja tfisser ukoll lil hemm minn fejn tgħixu?”
U kull wieħed u waħda minna beda jaħseb u jwieġeb skont kif iħoss hu.
Min qal li d-dinja għalih tfisser pajjiż kbir. Min qal li hi post fejn tgħix. Min qal li d-dinja hi pjaneta kbira mimlija ħlejjaq sbieħ. Ħaddieħor qal li tfisser il-familja, l-iskola u l-ambjent li jgħix fih kuljum. Xi ħadd qal li d-dinja tfisser in-natura u l-ambjent. Uħud qalu li d-dinja tfisser l-imħabba, il-ferħ u l-paċi ta’ ġo fik.
Imma kien hemm ukoll min ma kienx jaf xi tfisser id-dinja għalih. Oħrajn qalu li d-dinja għalihom ma tfisser xejn. Tfisser biss ħabs għax maqbudin f’xi ħaġa li ma jistgħux jinħallu minnha. Tfisser solitudni għax ġew imwarrba minn dawk li suppost iħobbuhom, tfisser dwejjaq għax ħafna jmaqdruhom. Tfisser qtigħ il-qalb għax il-ħajja saret tqila wisq għalihom u ma jafux fejn se jmiddu l-pass li jmiss. Tfisser biża’ għax ma jarawx futur sabiħ. Tfisser dinja bla skop ta’ xejn. Tfisser telqa, ġlied u mewt.
Imbagħad komplejna niddiskutu, u xi ħadd qal, “Tassew ħasra li waqt li wħud minna nħarsu lejn id-dinja b’mod sabiħ, hawn oħrajn li d-dinja tfisser diżappunt kbir. Min jaf kieku ningħaqdu lkoll flimkien u naraw x’nistgħu nagħmlu aħna, biex id-dinja ssir aħjar għal kulħadd?!”
U ħrigna b’idea!
Ftehemna li matul dawn il-vaganzi tas-sajf kull wieħed minna jgħin persuna oħra tagħraf is-sabiħ li hemm fiha u madwarha. Dan se nagħmluh billi niddedikaw ftit ħin kuljum għaliha billi nosservawha, nisimgħuha u naraw x’għajnuna għandha bżonn.
Ħafna drabi, min ikun għaddej minn xi ħaġa ma jindunax li għandu bżonn l-għajnuna. B’hekk inkunu aħna li ngħinu lil dik il-persuna tqum fuq saqajha. Aħna deċiżi li l-idea tagħna se nwettquha. U int għandek xi idea? X’tista’ tagħmel int dan is-sajf biex id-dinja ssir aħjar għall-persuni li taf jew li se tiltaqa’ magħhom?
–
Lulju 2016