Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ejja Mulej ħa ssalvana.
1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
F’dak iż-żmien, Ġwanni, li kien fil-ħabs, sama’ bl-għemejjel tal-Messija, u bagħat għandu tnejn mid-dixxipli tiegħu u qallu: “Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?”.
Ġesù wieġeb u qalilhom: “Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta’ dak li qegħdin tisimgħu u taraw: l-għomja jaraw, iz-zopop jimxu, il-lebbrużi jfiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, l-Evanġelju jixxandar lill-foqra. Hieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija”.
Meta dawk telqu, Ġesù qabad ikellem lin-nies fuq Ġwanni: “Xi ħriġtu taraw fid-deżert? Qasba tixxejjer mar-riħ? Xi ħriġtu taraw? Raġel liebes fin? Dawk li jilbsu fin fil-palazzi tas-slaten issibhom. Mela xi ħriġtu taraw? Profeta? Iva, ngħidilkom, anzi xi ħaġa iżjed minn profeta. Dan hu li fuqu hemm miktub: ‘Ara, jiena nibgħat qablek il-ħabbâr tiegħi biex iħejji triqtek quddiemek’. Tassew, ngħidilkom, li fost ulied in-nisa ħadd ma qam akbar minn Ġwanni l-Battista. U b’danakollu l-iżgħar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet hu akbar minnu”. (Mt 11, 2-11)
i. Ġwanni, li kien fil-ħabs, sama’ bl-għemejjel tal-Messija, u bagħat għandu tnejn mid-dixxipli tiegħu u qallu: “Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?”
Issa mhux fil-ftuħ tad-deżert,
fejn in-nies kollha ġejja għandu,
fejn jista’ jitkellem b’mod ħieles,
fejn ir-riżultati jidhru qrib.
Issa fl-għeluq tal-ħabż,
fejn kulma jista’ jagħmel hu li jibgħat għal żewġ dixxipli;
fejn Ġwanni jġorr il-perplessità li tinbidel f’mistoqsija,
li tikxef is-sigriet li jżommu f’sikktu:
anke jekk ir-riżultati ma jidhrux qrib, il-Messija ġej!
U qed nistennieh!
Irrifletti: Fejn tesperjenza perplessità?
ii. Ġesù wieġeb u qalilhom: “Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta’ dak li qegħdin tisimgħu u taraw … Hieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija”
Is-sinjali qegħdin hemm:
l-għomja jaraw,
iz-zopop jimxu
…
Allura għaliex il-ħażen għadu hemm?
Għaliex min jiftaħ għajnejn in-nies qed jissikket?
Għaliex min jgħin lil ħaddieħor jimxi jsakkruh ġo ħabż?
Għaliex il-ħażin donnu jibqa’ joħroġ rebbieħ?
Titfixkilx!
Ibqa’ ħares u nnota is-sinjali ċkejkna tas-Saltna t’Alla
u iftaħ qalbek għall-istil il-ġdid tal-Messija?
Irrifletti:
Fejn tara s-sinjali tas-Saltna t’Alla?
iii. Ġesù qabad ikellem lin-nies fuq Ġwanni: “Xi ħriġtu taraw fid-deżert? Qażba tixxejjer mar-riħ?”
Xi ħriġtu taraw?
Xi ħaġa qed tfittxu?
Ma ħriġtux tistkantaw!
U issa erġajtu ħriġtu!
Se taqta’ qalbek għax Ġwanni fil-ħabż?
Se taqta’ qalbek għax il-proċess bil-mod?
Se tirtira xħin tirrealizza li anke lill-Messija sallbu?
Xi ħriġt tara?
Qasba tixxejjer mar-riħ?
U issa x’qed tara?
Qed nara lil Dak li qasba mġelġla ma jiksirhiex, musbieħ inemnem ma jitfiehx,
li lilek jirfdek biex tagħmel l-istess
ħalli malli jerġgħu jiġu d-dixxipli ta’ xi Ġwanni ieħor perpless
jagħmlu kuraġġ xħin jaraw lilek ukoll tgħin lill-għomja jimxu, z-zopop jimxu,
xħin jaraw lilek tkebbes musbieħ ieħor!
Irrifletti:
Xi ħriġt tara?
3. Missierna
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici tar-riflessjoni