Ages
  • Primary Years
  • Middle Years
  • Secondary Years
  • Post-Secondary Years
Bookmark

Għal ħafna snin lin-nisa ma kinux jippermettulhom jieħdu sehem f’maratoni u f’tiġrijiet twal, bħal ngħidu aħna t-tiġrija ta’ 10,000 metru. Għax kienu jgħidu li l-fiżiku tal-mara ma jiflaħx għal dak l-istrapazz.

Iżda Katherine Sitzer riedet turi li dan ma kienx veru. Inkitbet għall-maratona ta’ Boston taħt l-isem ta’ K V Switzer. Kien tard wisq meta l-organizzaturi ntebħu b’dan u kellhom iħalluha tiġri. U fil-fatt waslet bħalma waslu l-kompetituri rġiel. Anzi waslet qabel ħafna minnhom. U hekk rebħet għan-nisa d-dritt li jipparteċipaw f’dawn il-maratoni. U wara daħħluhom ukoll fit-tiġrijiet Olimpiċi tal-10,000 metru. Għal min irid jasal ma hemmx skużi. Għal min ma jridx jasal tgħidx kemm ifittixhom.

Gandhi għamel xi żmien jgħix fl-Afrika t’isfel. Ġara, li darba kien miexi f’mogħdija dejqa u mingħajr ma ried ħabat ma’ bniedem ta’ ġilda bajda. Dak tant irrabja li beda jgħajru u jinsulentah kemm jiflaħ. Gandhi qagħad jisimgħu bil-kwiet kollu u xħin waqaf qallu: “Għaliex qed tinsulentani?

Jekk inti tniggeż idek demm aħmar joħroġ, jekk jiena nniggeż idi demm aħmar ukoll joħroġ. Dan ifisser li minn ġewwa aħna l-istess, u Alla minn hemm jarana.

L-Arċisqof Fenelon ta’ Cambray, kiteb lit-tifel tar-Re Ġakbu II tal-Ingilterra u qallu: “Fuq kollox, qatt tisforza lill-bnedmin sabiex jibdlu r-reliġjon tagħhom. L-ebda qawwa umana ma tista’ tilħaq l-għażla libera tal-persuna. Il-vjolenza, qatt ma pperswadiet lil ħadd; u sservi biss biex tagħmel l-għedewwa. Jekk tagħti l-libertà ċivili lil kull persuna, billi tittolera bil-paċenzja lil kull wieħed u waħda miċ-ċittadini, kif jittolera Alla, il-konverżjonijiet jsiru bil-perswazzjoni ġusta, tal-istess ċittadini.

Darba tifla ċkejkna staqsiet lill-għalliema: “Miss x’inhi d-differenza bejn il-Ġenna u l-Infern?”

L-għalliema biex tfehma qaltilha storja.

Wieħed sinjur stieden in-nies għall-pranzu kbir u qegħedhom f’żewġ swali differenti. Ikel kien hemm għal kulħadd l-istess. Kull wieħed kellu furketta twila daqsu u kien hemm ordni biex kulħadd jaqbadha mit-tarf. Għalhekk, kif ġa ndunajt, ħadd ma’ seta’ jressaq ikel lejn ħalqu biha.

Allura f’sala minnhom, fejn kulħadd kien ħsiebu kemm se jiekol hu u xejn ma kien jimpurtah minn ħaddieħor, kollha rmew il-frieket u bdew jgħaffġu b’idejhom u jitħanżru. Billi kull wieħed ried jiekol aktar mill-oħrajn, għamlu rvell u qalbu l-mejda. Meta s-sinjur ra x’kienu għamlu bl-ikel li ħejjielhom, keċċiehom ‘il barra u qatt ma stedinhom aktar. Dawn marru l-infern.

Sadanittant, fis-sala l-oħra, kull wieħed ħaseb f’ħaddieħor u bil-furketta twila beda jitma’ lil ta’ maġenbu. Hekk, wieħed jitma’ lill-ieħor, kulħadd kiel u xeba’ u wara qagħdu jitħaddtu ferħana flimkien. Kollha marru jirringrazzjawh u hu, meta rahom hekk jinħabbu bejniethom kif kien ħabbhom hu stess, qalilhom biex jibqgħu miegħu u hu jaħsbilhom għal kollox. Dawn qegħdin il-Ġenna.

Dennis u Patrick kienu żewġ ħaddiema Irlandiżi li marru jaħdmu f’Londra. Darba Dennis irċieva ittra mid-dar (kienu żminijiet meta l-mobile kien għadu ħolma) u dlonk fetaħha quddiem sieħbu. Dan intebaħ li fl-envelope ma kien hemm xejn għajr karta vojta.

“X’inhi l-idea li martek tibgħatlek karta vojta?”

“Ifisser li għadha miġġielda miegħi fuq kelma li għedtilha. Bejnietna ma hemmx kliem imma biss tagħrif li ma nqala’ xejn.”

‘U issa int x’ser tagħmel?”

“Nibgħatilha karta oħra vojta għax jekk inhi dittura u ma tridx titkellem jien mhux ser naqa’ għaliha!”

U qabad envelop u poġġa l-istess karta fih biex x’ħin joħorġu jimpostah lura.

Min jaf kemm relazzjonijiet tkissru minħabba l-pika!

David ma tantx kien imur tajjeb ma’ missieru. Sikwit kienu jitlewmu fuq kull tentufa għad li f’qalbhom kienu jħobbu ħafna lil xulxin. Jum wieħed, David saħan bis-sħiħ u qabad u telaq ‘il barra mid-dar wara li qallu ħafna kliem iebes u wara li ħaliflu li ma jarahx iktar f’daru.

Iżda mbiegħed minn dar missieru David ma kienx kuntent. Beda jduq l-iebes tal-ħajja. Bla xogħol…bla flus…bla familja. Xtaq jerġa’ lura imma beża’ li missieru ma kienx ser jaħfirlu. Bagħat għalhekk ittra lil ommu:

“Ma, ma tistax tifhem kemm jien imdejjaq. Żbaljajt bi sħiħ meta tlewwimt ma’ missieri u kellimtu aħrax. Tgħid jaħfirli? Tgħid jaċċettani lura? Jiena għandi ngħaddi minn ħdejn id-dar tagħna fi ftit ġranet oħra. Jekk jaħfirli u għadu jħobbni għidlu jdendel maktur abjad mas-siġra tat-tuffieħ li għandna fit-tarf tal-ġnien”. U ftit ġranet wara David kien fuq il-ferrovija li kellha tgħaddi viċin il-ġnien tagħhom. Ma kellux ħila jħares biex jara jilmaħx il-maktur. Talab lir-raġel li nzerta ħdejh:

“Ħabib, ara jekk jogħġbok fil-ġnien li ser nilħqu tilmaħx xi maktur abjad mdendel maz-zokk tas-siġra tat-tarf ? Hawn mhux maktur wieħed hawn imma ġnien sħiħ mimli mkatar bojod!”

Kien marid; xiħ u mċerċer, mitluq fl-għarix fqajjar tiegħu. Ġie tabib jinviżtah. Wara elf test qallu li kien isofri minn nuqqas ta’ ikel u billi kien espost għal kundizzjonijiet differenti ta’ temp is-sitwazzjoni setgħet taggrava ruħha. Imbagħad wasal fil-post professur. Qal li l-ġisem ma setax jibqa’ jaħli mill-ħażna tiegħu jekk din ma tkunx ikkumpensata b’ikel bnin u sustanzjuż.

Warajh kien imiss ‘il raġel b’qalb tajba iżda żgħira. Malli ra lix-xwejjaħ magħlub u mitluq f’dak il-gorboġ ma setax iżomm lid-dmugħ milli jixref quddiem għajnejh lil dak il-proxxmu li kien għadu kif ra.

Kien għaddej min hemm raġel irrabjat li kif ra lil dak il-povru xwejjaħ ma xebax jgħajjat kontra l-inġustizzji li hawn fid-dinja – kellha bżonn tkun teżisti liġi li tikkontrolla l-qasma tal-ġid.

Iżda fl-aħħar wasal raġel li ma kellu ebda ittra wara ismu, ma qagħadx jagħmel għaġeb, isabbat jew jixher. Kien fqir għal din id-dinja imma għani fil-ħniena. Bilġri mar id-dar u ġie lura b’nofs l-unika ħobża li kellu. Xammar il-kmiem tal-qmis u b’idejh stess beda jirranġa dik id-daqsxejn ta’ kamra tal-fqajjar. Kull minuta ħielsa mix-xogħol kien jgħaddiha ħdejn ix-xwejjaħ.

Lhudi kien darba fil-bieb tal-għarix tiegħu. Jara raġel għaddej, għajjien, jivvjaġġa minn post għall-ieħor.

“Għaddi,” stiednu l-Lhudi. Kien raġel xwejjaħ, iserraħ fuq il-bastun. Wara li laqgħu f’daru ħasillu saqajh u ġablu ftit ikel sħun biex jitrejjaq. Iżda l-Lhudi ntebaħ li x-xwejjaħ beda jiekol mingħajr ma lissen talba.

“Għax ma tajtx ħajr lil alla ħallieq ta’ kollox?” staqsa l-Lhudi. L-ieħor wieġeb: “jiena nadura biss in-nar u ma nemmen f’ebda alla.” Il-Lhudi telgħulu. Qam u xeħtu ‘l barra. Il-Mulej deher lil Lhudi u xtaq ikun jaf għala keċċieh. “Tfajtu ‘l barra għax Lilek ma jqimekx!” Iżda l-Mulej wieġbu: “Jien ilni mitt sena nissaportih. Int m’għandekx il-ħila tissaportih lejl wieħed biss?”

Leġġenda popolari tgħid li kien hemm raġel li nqabad f’attentat ta’ qtil u l-qorti ordnat li fuq moħħu jittimbrawlu l-ittra ‘Q’ biex kulħadd ikun jaf li hu qattiel. Waqt li kien il-ħabs ittenda bl-iżbalji tiegħu u ddeċieda li jekk xi darba joħroġ mill-ħabs igħix mod ieħor. Iż-żmien għadda u r-raġel ħareġ mill-ħabs u mar igħix f’post ‘il bogħod fejn in-nies ma kinux jafuh. Kien igħix b’mod li ħadd ma seta’ jsib l-inqas nuqqas fih. Meta t-tfal kienu jistaqsu lil ommijiethom: “ma xi tfisser dik l-ittra ‘Q’ li dak ir-raġel għandu fuq moħħu?”

“Ħadd ma jaf, imma naħseb li tfisser Qaddis.”

Anke l-iktar bniedem mill-agħar jista’ jbiddel ħajtu jekk bil-verità jkun irid.

Fulton Ousler, l-awtur ta’ ‘The Greatest Story Ever Told’, jirrakonta l-istorja ta’ Dr Lorenz. Dan kien professur Awstrijakk li mar l-Amerika biex ifisser is-sengħa tiegħu lit-tobba Amerikani. Waqt li kien hemm, mijiet ta’ nies morda xtaqu li Dr Lorenz jagħmlilhom hu stess l-operazzjoni pero’ dan ma setax ilaħħaq ma’ kulħadd.

Ġurnata waħda għajjien u mifni bix-xogħol, Dr Lorenz ħareġ jimxi fit-toroq tal-belt jipprova jderri. F’daqqa waħda qamet maltempata kbira u Dr Lorenz qagħad jistkenn ħdejn bieb. Iżda x-xita xorta kienet qed tilħqu. Għalhekk ħabbat il-bieb u lill-mara li fetħet talabha tħallih jistkenn ftit ġo darha. Imma din sabbtitlu l-bieb f’wiċċu u qaltlu: ‘Għandna biżżejjed niket f’din id-dar.” Ftit wara ħbieb il-professur ġew u ħaduh magħhom fil-karozza.

Iżda l-għada, meta dik il-mara ħarset lejn il-gazzetta ttendiet li hi kienet keċċiet il-professur Lorenz. In-niket tagħha kien tassew kbir għax dik l-istess omm kienet bagħtet ittra lil Dr Lorenz biex imur id-dar u jara jistax isalva lit-tifla tagħha. Alla nqeda bil-maltemp biex jibagħtilha l-professur f’darha iżda hi sabbtitlu l-bieb f’wiċċu.

Aħna wkoll, m’għadna nagħlqu ebda bieb f’wiċċ ħaddieħor. Mhux għal dak li jista’ jtina, iżda għax kull persuna tfisser rigal.

Fil-film ‘Lawrence of Arabia’ hemm xena li fiha Lawrence u sħabu kienu qegħdin jaqsmu d-deżert u ħakmithom maltempata tar-ramel. F’daqqa waħda ntebħu li seħibhom Jasmin – raġel marid u ta’ ftit importanza għall-espedizzjoni, infired minn mal-grupp. Kien mitluf waħdu f’dik il-maltempata tal-biża’. Ħafna ddeċidew li jibqgħu sejrin għax ‘dak bih u mingħajru xorta… anzi aħjar mingħajru.’ Iżda Lawrence ma rraġunax hekk. Issogra ħajtu. Reġa’ lura f’nofs il-maltempata sakemm sabu. Għal Lawrence ma kien hemm ħadd għar-rimi.

In-nies kienu jafuh. Miżmum bħala bniedem għaref li kiteb kotba tqal u sab tarf isawwar dizzjunarju ta’ lsien artu. Imma issa rawh f’nofs il-pjazza fil-post fejn darba, ħafna u ħafna snin qabel, kien jarma bil-kotba missieru.

Kien hemm waħdu f’xita kontinwa bla ma jitħarrek. Ħasbuh li moħħu ħfief xi ftit. Imma donnhom stħaw imorru għalih u jeħduh lura. U baqa’ hemm siegħa sħiħa. Sar għasra. Imbgħad telaq iċeklem lejn il-lukanda.

U bosta bdew jistaqsu l-għaliex ta’ din il-ġrajja. U r-raġel għaref qalilhom.

“Bħal-lum ħamsin sena jien għedt le lil missieri. Talabni bil-ħniena biex niġi miegħu hawn ħalli flimkien inbiegħu l-kotba. Iżda jien ma ridtx mmur ngħinu. U missieri, miskin, mar waħdu jbiegħ il-kotba biex biex b’li jaqla’ jmantni lili, lil ommi u lil ħuti. Missieri llum miet, imma meta nħares lura lejn dik il-ġrajja nibki f’qalbi għall-qalb iebsa lejn dak li bata ħafna birx jien tgħallimt l-iskola u lħaqt fejn wasalt illum. Illum ridt nifdi dnubi. Mort fil-post eżatt fejn kien jarma u domt hemm daqs kemm kien idum hu jbiegħ il-kotba. U l-ilma li niżel fuqi ħassejtu qed jaħsel dnubi”

Hekk spiċċa jirrakonta Samuel Johnson, kittieb prolifiku u awtur ta’ dizzjunarju li dam jissawwar bosta snin u għadu sal-lum miżmum b’għożża minn min iħobb il-lingwa Ingliża.

Aħwa dejjem flimkien. Kienu jaħsbuhom tewmin għax is-sena bejniethom bilkemm kienet tifridhom. U kibru, imma wieħed stagħna għax in-negozju riedu. L-ieħor kien jaqlagħha u jiekolha… għalliem fi skola żgħira. Imma baqgħu jinħabbu.

Darba fit-tifkira twelid l-għalliem, ħuh xtralu ġmiel ta’ karozza tiswa l-eluf, “Hawn għażiż ħija. Għalija, rigal żgħir, għalik ħolma li bħalissa forsi ssibha iebsa twettaqha.”

L-għalliem irringrazzjah u xtaqlu iktar ġid u hena għax qatt ma basar li ħuh kien ser jiftaħ idejh tant beraħ miegħu. L-iskola qatt ma mar biha għax kienet għażiża wisq għalih. Ma riedx ikkabarha, imma jużaha biss fil-Ħdud u l-festi. Imur biha l-knisja u lura l-garaxx għal-ġimgħa sħiħa. Imma darba beża’, għax meta ħareġ mill-Maqdes ra tfajjel idur magħha. Dlonk telaq jiġri.

“Din tiegħek sinjur?” staqsa b’innoċenza.

“Tiegħi għad li mhux jien xtrajtha. Xtrahieli ħija”.

U t-tfajjel wieġbu:

“Kemm nixtieq li nista’ nkun ġeneruż daqs ħuk ma’ ħija!”

Stagħġibt bit-tweġiba. Ma kontx nistennieha. Ma riedx li jkun dak li jirċievi imma dak li jagħti. Staqsejt dwar dak it-tfajjel. Kellu ħuh magħtub li rari kien jixref barra. Xtaq li jistagħna biex jgħin lil ħuh igawdi ftit il-ħajja.

Meta taqraha, taħseb li qed taqra ħrafa jew leġġenda imma fil-fatt ġrat tabilħaqq kif jirrakonta Max Lucado, predikatur famuż u awtur ta’ ħila.

Jirrakonta li fil-ħabs ta’ Sing Sing fis-snin għoxrin tas-seklu l-ieħor, daħal jaħdem ċertu Lewis Lawes. Kien raġel twajjeb u kien jistma lill-ħabsin b’rispett avolja xi wħud minnhom kienu qattiela u qegħdin jistennew il-mewt fuq is-siġġu tal-elettriku. Mhux biss kien jistmahom, iżda ħajjar lil martu Catherine tibda iżżurhom u fejn tista’ tgħallimhom. Hekk għamlet ma’ wieħed għama u għallmitu il-braille biex ikun jista’ jaqra billi jħoss ittri imqabżin, u lil min kien nieqes mis-smigħ għallmitu l-lingwa tas-sinjali. Il-priġunieri l-oħra kienu jħobbuha u jieħdu gost meta kienet torganizza xi klassi u tgħallimhom. Bil-mod il-mod rebħithom u kienu verament jistmawha. U minkejja li kellha tliet ulied, kienet tqatta’ ħafna ħin ma’ dawn il-ħabsin. Saret għall-ħabsin it-tieni omm.

Iżda jum wieħed Catherine ma dehritx fil-ħabs. Intebħu li ġrat xi ħaġa. U kien ġara tabilħaqq għax Catherine kienet ittajret minn karrozza u baqgħet mejta fil-post. Meta din l-aħbar ġiet ikkonfermata, il-priġunieri marru fejn id-direttur tal-ħabs u qalulu: “Nixtiequ ferm li mmorru għall-funeral ta’ Catherine. Niżgurawk li rispett tagħha ħadd minna ma jaħrab”.

Id-direttur infixel. Kien jaf kemm kien hemm rispett reċiproku bejn Catherine u dawn il-ġuvintur iżda beża’ jiftħilhom għax setgħu jaħarbu u mbgħad ħobżu u l-libertà tiegħu jintemmu għax jispiċċa arrestat. Imma qalbu qaltlu li din kinet okkażżjoni fejn dawn il-priġunieri setgħu jaraw, għall-aħħar darba, il-benefattriċi tagħhom u forsi xi ftit minn kliemha kien jidħol ġo qalbhom għal dejjem.

Hu ta l-permess li riedu. Ħarġu għall-funeral u qagħdu hemm tul iċ-ċerimonja kollha. U fi tmiemha kull wieħed minnhom irritorna lejn iċ-ċella tiegħu. Ħadd minnhom ma ħarab.

Żagħżugħ iswed niżel mill-ferrovija u qabad triq 42 u telqilha bil-mixi għal New York iġorr bagalja u bagoll tqil. Ftit wara ħass min jeħodlu l-bagalja minn idu u b’vuċi ħelwa qallu: “Tidher tqila ġmielha din il-bagalja ħija! Jimporta nerfagħhielek? Jien ukoll għal dik it-triq.”

Dak l-iswed baqa’ mistagħġeb kif wieħed abjad offrielu biex jgħinu. Għall-ewwel ma riedx jagħtihielu, imma l-abjad ħadhielu minn idu u baqgħu sejrin flimkien jitkellmu u jidħku qishom kienu ilhom jafu ħafna ‘l xulxin. “U dik kienet l-ewwel darba”, qal l-iswed, “li qatt kont rajt lil Theodore Roosevelt, is-26 President tal-Istati Uniti”

George Washington Carver, edukatur u xjenzat Amerikan jgħid hekk: “Kemm timxi ‘l quddiem fil-ħajja jiddependi kemm tkun ġentili mat-tfal, tgħadder lix-xjuħ, tinkoraġġixxi lil min jistinka u toleranti ma’ min hu dgħajjef u b’saħħtu. Għaliex xi darba fil-ħajja tiegħek inti ser tgħaddi minn dan kollu.”

Grazzi lis-Sur Duncan Ciappara li ġabar u qasam dal-istejjer.



We want to get to know you. To be able to bookmark your favourite content, please log in or sign up below.

User Sign Up

  • This field is for validation purposes and should be left unchanged.


Discover more resources