B’kollox konna xi 60 tfajla u ġuvni. Konna qegħdin fl-oratorju nitkellmu bejnietna, nilagħbu billiards u table tennis bħalma nagħmlu kull nhar ta’ Ħadd wara li tispiċċa l-quddiesa.
Imma din id-darba Jeff ried jilgħab logħba differenti fl-okkażjoni tal-bidu tas-sena l-ġdida. Wera x-xewqa li nilagħbu ‘Pass the Parcel’ u minnufih ħareġ ġirja sal-karozza iġib kaxxa mimlija. Ma konniex nafu x’kellu ppreparat f’moħħu!
Imbagħad qabbad il-mowbajl tiegħu mal-‘ispeakers’ u mal-mużika fuq Spotify. Kellna naqbdu rigal imgeżwer f’ħafna karti mill-kaxxa u ngħadduh lil xulxin sakemm tieqaf il-mużika. Kull min jieqaf ir-rigal għandu kellu jmur f’kamra oħra fejn kien hemm tapit kbir u waqt li jpoġġi fuqu kellu jiftaħ r-rigal hemmhekk. Mill-banda l-oħra kull min baqa’ jilgħab, kellu kurżita x’seta’ sab sieħbu u x’jista’ jsib hu!
Mal-mużika rġajna għamilna l-istess sakemm fl-aħħar il-kaxxa żvojtajt u l-logħba spiċċat. Issa kulħadd kien qiegħed fil-kamra l-oħra fuq it-tapit b’rigal f’idu; par flipflopp ikkulurit!
Kulħadd tbissem b’dan ir-rigal stramb f’dan iż-żmien tax-Xitwa. X’fettillu Jeff jagħtina flipflopp bħala rigal?
“Issa kif qegħdin kollha bilqiegħda fuq it-tapit, nixtieqkom tneħħu ż-żraben minn saqajkom,” qalilna Jeff, “u ġġibu quddiem għajnejkom kemm-il vjaġġ għamiltu b’dak iż-żarbun. Tiftakru fejn mortu matul is-sena li għaddiet? Stajtu mortu postijiet sbieħ fejn tgħallimtu u kbirtu minn dik l-esperjenza, u stajtu ukoll mortu xi mkien fejn dħaltu f’xi inkwiet.”
Wara dan kompla: “Issa, ejjew inġibu quddiem għajnejna l-ħajja tagħna. Araw! Il-ħajja tagħna lkoll qisha bħal vjaġġ twil fejn ngħaddu minn ħafna esperjenzi differenti. Jistgħu jkunu esperjenzi koroh li xi drabi jqanqlu emozzjonijiet negattivi u neħlu fihom għax naħsbu li mhux se ninqalgħu minnhom, jew esperjenzi sbieħ li kull darba li niftakru fihom inisslu fina ferħ u memorji sbieħ. Nistedinkom biex fis-skiet ta’ qalbkom, iġġibu quddiem għajnejkom is-sena l-oħra. X’tiftakar li ġralek? Kienu affarijiet sbieħ u ta’ ferħ, jew koroh u ta’ dwejjaq?”
Imbagħad Jeff tana marker u qalilna biex fuq il-flipflopp, niktbu jew inpinġu dik il-ġrajja importanti għalina u li setgħet kienet kemm ġrajja sabiħa kif ukoll ġrajja ta’ niket. Kif lestejna, kellna nerħu l-flipflopp fuq it-tapit bħala sinjal li se nħallu warajna dak li ġralna s-sena l-oħra u nħarsu ‘l quddiem b’ottimiżmu għas-sena ġdida li bdejna.
U int, kieku kelli nagħtik flipflopp x’kont tniżżel fuqu?
–
Jannar 2018