Nathan spiċċawlu l-karti tal-printer.  Ħareġ ġirja mid-dar qabel jagħlaq tal-ħanut għax ried jilħaq jipprintja l-‘assignment’ għal għada. Hu u sejjer iltaqa’ mal-kappillan, li fakkru fl-adorazzjoni għaż-żgħażagħ li kien se jkun hemm dakinhar aktar tard.

Ra żejda din l-adorazzjoni għax ma tantx kellu aptit imur. Kien għad fadallu ħafna x’jagħmel u wara xtaq jara film.   Imma aktar ma beda jsir il-ħin, ħass f’qalbu lil min jgħidlu:

 “ U ejja mur l-adorazzjoni!  M’int se titlef xejn b’daqshekk. Xejn xejn tiltaqa’ ftit mal-ħbieb u tieħu brejk minn dak li qed tagħmel!”

U hekk għamel. Bi ftit sforz inħasel malajr, libes sew għax barra kienet waqgħet il-kesħa u mar il-knisja. Kif daħal il-knisja ra lil sħabu bilqiegħda fuq siġġijiet madwar l-artal quddiem Ġesù fl-Ewkaristija. Poġġa ħdejhom. Flimkien mal-qassis  żagħżugħ bdew idoqqu, ikantaw u jitolbu flimkien.

Imbagħad il-qassis qalilhom: “Agħlqu ftit għajnejkom u aħsbu ftit fuq dak li qed itaqqalkom u jinkwetakom fil-ħajja tagħkom u li minħabba f’hekk moħħkom u qalbkom  donnhom ma jistrieħu qatt.”

U kompla jgħid: “Araw, dawk iċ-ċaqgħak li hemm fil-plattina qed jirrappreżentaw it-toqol u l-inkwiet tagħna lkoll. Min irid, jista’ jqum jieħu ċagħka għal dik il-ħaġa  li qed tinkwetah u jpoġġiha fuq l-artal quddiem Ġesù.”

Dak il-mument Nathan kieku seta’ kien iqum u jaqbad iċ-ċagħak kollu għax ġewh ħafna mumenti fejn kollox qed iħoss bi tqil, bħall meta jiddejjaq l-iskola, meta jkollu xi jgħid ma’ sħabu, meta jixba d-dar, meta jibda jaqta’ qalbu, meta jqaxxar xagħaru u ma jogħġbux, meta ma jkunx jaf jikkontrolla r-rabja tiegħu u joħloq problemi akbar.  Dak il-ħin kull ċagħka riedha għalih u xtaq jaqbadhom kollha u jerħihom f’idejn Ġesù. 

Imbagħad għamlu ftit mumenti fis-skiet għad-daqq baxx tal-kitarra. Sadanittat il-qassis beda jixgħel xemgħat żgħar u jpoġġihom quddiemhom.

Qalilhom: “Issa min irid jista’ jqum u jieħu xemgħa żgħira.  Żommuha f’idejkom, u waqt li tħarsu lejn id-dawl tax-xemgħa, itolbu lil Alla jagħtikom id-dawl f’dak l-inkwiet li ħsibtu fih meta poġġejtu ċ-ċagħak fuq l-artal.” L-atmosfera ta’ talb kienet sabiħa u l-ħarsa fuq wiċċ kull wieħed kienet ta’ paċi u trankwillità.

Kif spiċċat l-adorazzjoni, Nathan sellem lil sħabu u mar lura d-dar kuntent. Ħass ċertu ferħ ġo fih u kien jaf li dak il-lejl se jorqod ħafna aħjar minn ġranet oħra. Issa qed jistenna b’ħerqa l-adorazzjoni li jmiss ix-xahar id-dieħel!

Marzu 2018