Andrew ħebritu qalbu li ma kienx għadda f’suġġett minnhom. Veru kien sabha tqila l-karta tal-eżami dakinhar. U hekk ġara!
Kif fetaħ ir-riżultat, ħass id-dinja taqa’ fuqu. Kien weħel u issa kien tilef iċ-ċans li jidħol fil-kulleġġ fejn kien ilu joħlom li se jkompli l-istudji tiegħu. Dak li kien ilu jispira għalih rah jispiċċa fix-xejn.
Sadanittant, fuq il-midja soċjali, ħbiebu bdew jiktbu fuq l-istatus tagħhom kemm kienu ferħana bir-riżultati sbieħ li ġabu u kulħadd jgħid f’liema kulleġġ kien sejjer u liema suġġetti se jkompli jistudja f’livell avvanzat.
Iżda Andrew ma ażżarda jikteb xejn. Ħassu umiljat u mitluf quddiem din is-sitwazzjoni. Staħa jiffaċċja lil sħabu u jgħidilhom li hu ma għaddiex. Dak il-ħin għażel li ma jikkummenta xejn, la fuq l-istatus tiegħu u lanqas fil-‘group chat’ ta’ bejniethom. Ma kellu aptit jara u jkellem lil ħadd. Xi dwejjaq! Ingħalaq f’kamartu u baqa’ hemm jitnikket waħdu.
Il-ġenituri tiegħu ħeġġewh jitkellem magħhom dwar kif kien qed iħossu. Fakkruh f’kemm kien mar tajjeb fis-suġġetti l-oħra. Qalulu wkoll li hemm diversi toroq oħra kif xorta waħda jista’ jasal fejn ried jilħaq. Semmewlu l-possibiltajiet ta’ x’seta’ jagħmel.
Huwa qabel magħhom li l-ewwel pass kien li jagħmel appuntament mal-‘istudents advisory services’ biex jiggwidawh, jara x’alternattivi hemm għalih u jimxi minn hemm.
Bi ftit kuraġġ u sapport mill-esperti f’dan il-qasam, kif ukoll mill-ġenituri u ħutu, Andrew ma baqax jiffoka biss fuq is-suġġett li falla fih iżda beda jara l-istampa sħiħa. B’hekk fehem u apprezza li bis-suġġetti li għadda minnhom xorta kellu opportunitajiet oħra li jwassluh għall-karrieri sbieħ u li jogħġbu lilu.
Fehem ukoll l-importanza li l-ħajja tkompli sejra, jiġri x’jiġri. Reġa’ beda jikkomunika ma’ sħabu fuq l-internet u pprova jibqa’ pożittiv minkejja d-diżappunt li ġarrab. Dakinhar filgħaxija Andrew ftakar ukoll fi kliem Ġesù: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom” (Mt 11:25-30). F’qalbu offra n-niket li kien ħass meta fetaħ ir-riżultat. Emmen bis-sħiħ li ħajtu ma kinitx biss ir-riżultat li ġab, u li l-Mulej se jkun miegħu fl-għażliet u l-impenn ġdid.
–
Awwissu 2017