Alex hu żagħżugħ tamparek. Dejjem wiċċu għad-dawl, jitbissem u jferraħ lil ta’ madwaru. Tieħu gost tiltaqa’ miegħu; ma tkunx trid titilqu. F’qalbek ikollok tistaqsi: Għaliex hu daqshekk popolari? Għaliex dejjem imdawwar bil-ħbieb? Għaliex kulħadd ifittxu biex ikun miegħu?
Imma fil-verità, bħal kull żgħażugħ ieħor, Alex ukoll ikollu diversi diffikultajiet fl-iskola u fil-familja. Ħafna drabi jħossu mtaqqal. Imma huwa tgħallem iżomm attitudni pożittiva, jiġrilu x’jiġrilu. Meta darba staqsewh kif jirnexxilu jibqa’ ferħan u pożittiv, Alex wieġeb hekk:
- Nipprova nkun grat għal dak li għandi: il-familja, il-ħbieb, il-ħajja, l-affarijiet li għandi. Napprezza l-ħajja. Irrid noħlom, imma sadattant irrid nieħu gost b’li għandi anke jekk mhux ħafna jew mhux eżatt kif nixtieq.
- Irrid nemmen li kull mument ta’ ħajti huwa perfett, anki jekk jiġru affarijiet koroh madwari u nisma’ xi aħbar kerha. Il-mumenti koroh ukoll huma parti mill-ħajja imma ma nħallihomx ikaxkruni.
- Irrid li jkolli sens umoristiku, nitgħallem nidħak. Id-daħk joħloq enerġija pożittiva ġo fija u f’min jismagħni. Mhux kollox serju u traġiku!
- Meta tiġi opportunità sabiħa, naħtafha! Billi noqgħod id-dar fuq is-sufan, naħsibha biss, ma nasal imkien. Irrid inqum u nipprova esperjenzi ġodda li jgħinuni nkabbar il-ferħ ġo fija.
- Irrid li l-ferħ ikun parti minni u minn ħajti. Il-ferħ ma jiġix minn barra imma minn deċiżjoni li nieħu jien biex inħaddnu ġo fija.
- Irrid nibdel il-kelma ‘problema’ fil-kelma ‘sfida’. Meta nħares lejn xi ħaġa bħala problema jiġifieri jkolli nara kif se nirranġa dak li mar ħażin. Jekk inħares lejha bħala sfida, nibda nara x’nista’ nagħmel biex negħlibha.
- Il-ħajja rrid ngħixha, mhux niġġildilha. Il-ħajja hija vjaġġ twil mimli avventuri. Dan il-vjaġġ jibda b’passi żgħar, ġurnata wara l-oħra. Hekk, il-vjaġġ isir eħfef u isbaħ.
- Irrid naħseb f’nies li jġibuli l-ferħ f’ħajti, nagħmilha ma’ min hu ottimist. Irrid nittieħed mill-attitudni pożittiva tagħhom biex jien ukoll nimtela b’enerġija pożittiva.
- Irrid nara inqas, nisma’ inqas u naqra inqas dwar aħbarijiet negattivi. Irrid niffoka aktar fuq is-sabiħ li jiġri madwari, u hekk jibqagħli aktar ħin nisma’ mużika sabiħa, inxomm il-fjuri fil-ġnien, induq l-ikel li għandi quddiemi, u niftakar fis-sbuħija tal-ħajja, anki fl-aktar affarijiet sempliċi ta’ kuljum.
Bilħaqq! Alex ipprintja dil-lista u dendilha mal-friġġ biex meta jħossu down imur jaqraha u jerġa’ jiftakar li l-ħajja hija sabiħa – jinqala’ x’jinqala’ u jiġri x’jigri fil-ġurnata.
–
Novembru 2016