Fil-karnival aħna mdorrijin niftiehmu bejnietna biex nilbsu kostum u mmorru nifirħu flimkien mal-briju li jkun hemm fit-toroq u l-pjazez tal-Belt.
Is-sena l-oħra, waqt li konna għadna d-dar ta’ Bertie, inpinġu wiċċna u nitfgħu l-isprej ikkulurit fuq xagħarna, ħuh iż-żgħir, ta’ sitt snin, li hu ffissat fuq is-Super Heroes, ħareġ jiġri mill-kamra tiegħu, tela’ jaqbeż fuq is-sufan, fetaħ idu u għajjat: “Arawni jien Superman!”
Minnufih mar lura fil-kamra tiegħu, u reġa’ ħareġ jiġri jaqbeż fuq is-sufan. Fetaħ idu u għajjat: “Arawni jien Iron Man!”
U għat-tielet u r-raba’ darba reġa’ daħal u ħareġ liebes ta’ Batman u mbagħad ta’ Hulk sakemm fl-aħħar ma kellux aktar kostumi oħra x’jilbes.
Ħsibna li mar jilgħab meta wara ftit ħin reġa’ ħareġ fuq is-sufan liebes xorts, fetaħ idejh u għajjat: “Arawni, dan huwa jien, Andrei, l-eroj ta’ veru!”
U bir-raġun! Għax Andrei huwa tassew eroj, hekk kif inhu, b’dak kollu li kapaċi jagħmel!
Qatt ħsibt kif int ukoll tista’ tkun eroj ta’ vera? Biex issir eroj ma hemmx għalfejn tilbes ta’ xi ħadd partikulari jew tippretendiha ta’ xi ħadd li fil-verità m’intix. Lanqas ma għandek għalfejn tistenna l-mument li ssir taf aktar jew meta se tiggradwa jew meta tiltaqa’ mat-tfajla jew ġuvni ideali tiegħek biex issir eroj.
Għall-kuntrarju, biex issir eroj hija ħaġa tassew sempliċi. Trid tħaddem il-kapaċitajiet u l-ħiliet li għandek u tuża dak kollu li akkwistajt sa issa – għall-ġid tal-oħrajn. Alla dejjem ifittex nies li jistgħu jagħmlu xi ħaġa b’dak li jafu u b’dak li diġà għandhom.
Anke lilek, Alla jsejjaħlek biex tmidd idejk u twettaq xi ħaġa li int kapaċi fiha u li tista’ tagħmilha. Forsi tgħid f’qalbek, “Lili qed isejjaħ Alla? Kif jista’ jkun? Naħseb li qed jagħżel persuna żbaljata għax jien ma nafx, ma ninqalax u nistħi.”
Nistiednek tħares ftit lejn idejk u taħseb f’dawk l-affarijiet kollha li kapaċi tagħmel (tpinġi, issajjar, tikteb stejjer, idoqq, eċċ.). Issa agħlaq idejk u aħseb ukoll f’dawk l-affarijiet materjali li għandek.
X’taf tagħmel inti u x’tista’ toffri minn dak li għandek?
Taqtax qalbek. Ibda minn dak li taf u minn dak li għandek, imbagħad bil-qawwa ta’ Alla ssib is-saħħa, il-kuraġġ, il-ġenerożità u r-rieda li timxi u tibqa’ għaddej f’dak li Alla jsejjaħlek twettaq.
Kemm hi ħaġa tal-għaġeb li Alla jinvolvi lil kull wieħed u waħda minna għall-qadi tal-oħrajn. B’hekk insiru eroj ta’ veru!
–
Frar 2018