Nhar it-Tlieta 4 ta’ Lulju 2023, ġiet organizzata laqgħa minn Spiritual Development in Schools flimkien mar-Religious Counsellors ġewwa l-Kunvent San Ġwann tas-Salib, Ta’ Xbiex.

L-għan

L-għan tal-laqgħa kien biex hekk kif intemmet is-sena skolastika 2023, wieħed jirrikonoxxi l-ħidma spiritwali u pastorali ta’ kull Religious Counsellor fl-iskejjel Primarji, Medji, Sekondarji u Post-Sekondarji tal-Istat u c-chaplains fl-iskejjel Indipendenti.

Ħin ta’ Riflessjoni u Talb

Ir-Religious Counsellors kellhom ħin ta’ riflessjoni u talb permezz tal-esperjenza ta’ Prayer Spaces fejn ġew armati spazji ta’ talb relatati mat-tema ‘Ngħixu l-Imħabba’. Huma rriflettew u talbu dwar kif nistgħu ngħixu l-imħabba fil-kommunità, bejnietna bħala aħwa, permezz tar-rikonċiljazzjoni, billi noffru lilna nfusna, u billi nesprimu l-gratitudni tagħna lejn l-oħrajn.

Wara kien hemm ħin allokat fejn wieħed seta’ jipproċessa l-esperjenza ta’ prayer spaces, dwar kif ħassewhom, kif għinuhom jitolbu b’affarijiet sempliċi imma li jgiegħluk taħseb fil-fond dwar temi reali.

Uħud mir-rispons wara li esperjenzaw il-prayer spaces

  • Ħassejtni miġbur u tajjeb ħafna.
  • Jolqtu l-esperjenzi konkreti tal-ħajja tagħna – bihom titlob fuq l-esperjenzi konkreti tal-ħajja tiegħek.
  • Modi sempliċi u prattiċi fejn tiltaqa’ m’Alla mingħajr reżistenzi.
  • Atmosfera ta’ ġabra. Grazzi għas-set up u l-mużika fl-isfond.
  • Komdu – fil-paċi – fil-kwiet, fil-mistrieħ, rilassat.
  • L-ideat – il-kreattività, l-originalità – il-mezzi diversi – sistemi ‘very focused’.
  • L-eżerċizzji jwassluk taħseb fuq affarijiet ordinarji u ta’ kuljum.
  • Riflessjonijiet sempliċi li jolqtu aspetti differenti, u allura tiffoka.
  • Minn dak li esperjenzajt dalgħodu jidhru li ‘one size doesn’t fit for all’ speċjalment għal tfal u żgħażagħ.
  • Għoġobni l-kwiet u l-personal journaling.

Esperjenzi sbieħ

Qasmu flimkien esperjenzi sbieħ dwar is-sena skolastika li għaddiet fl-iskejjel u kulleġġi rispettivi ta’ kull wieħed minnhom fosthom l-importanza tal-kuntatt kontinwu mal-SLTs u r-relazzjonijiet tajba mal-edukaturi li jgħinu fil-preparamenti għal waqt iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi u l-ħidma pastorali tagħhom fil-klassijiet. Ir-relazzjonijiet mal-istudenti u l-familji tagħhom tkompli tikber u hija ħaġa nkoraġġanti u pożittiva. Tkellmu dwar riżorsi ġodda li qed jippreparaw u ħolm li jixtiequ jwettqu fil-ħidma pastorali għas-sena d-dieħla.

Servizzi u riżorsi mill-SDS

Fr Reuben Gauci kompla bi preżentazzjoni dwar is-servizzi li noffru bħala Spiritual Development in Schools u kif wieħed jista’ jitlob servizz. Kompla dwar id-diversi riżorsi fil-website sds.mt fosthom stejjer animati għat-tfal tal-primarja u spazji ta’ talb għall-etajiet tal-primarja, medja u sekondarja. Semma wkoll riżorsi ġodda ta’ riflessjonijiet qosra u sessjonijiet relatati mat-tema tas-sena d-dieħla ‘Ngħixu l-Imħabba’.

Il-laqgħa ntemmgħet b’mument sabiħ fejn kilna pizza flimkien u dħakna wkoll!

Ringrazzjamenti

Nirringrazzjaw lil Fr Alfred Vassallo OCD, religious counsellors fil-Kulleġġ ta’ Maria Reġina u l-Karmelitani Skalzi tal-ospitalità, kif ukoll lir-Religious Counsellors li laqgħu l-istedina u ġew għal din il-laqgħa.  Inħarsu ‘l quddiem biex inkomplu niltaqgħu flimkien fil-laqgħat li jmiss.


A relaxing welcome meeting for religious counsellors

Moments of empowerment and confidence in the mission of Religious Counsellors in State schools.

Evaluating scholastic year 2018-19 with Religious Counsellors