#rolemodel #prayerspace #iamunique
Nhar il-Ġimgħa 26 ta’ Mejju 2023 Silvana Cardona f’isem Spiritual Development in Schools kienet mistiedna f’Immaculate Conception Secondary School – St Jeanne Antide Tarxien, biex tagħti kontribut mal-Year 7 f’sessjoni bħala parti minn proġett ta’ ‘Role Model’ bejn l-organizzazzjoni taż-żgħażagħ ŻAK u l-EUPA. Fis-sessjoni ipparteċipa wkoll Karl Grech, Youth Worker fi ħdan iż-ŻAK.
Matul din is-sessjoni rajna kif l-individwalità tagħna hija don mingħand Alla u li għandna nużawha biex ngħinu lil ħaddieħor. Qsamna flimkien kif xi ostakli fil-ħajja jistgħu jressquna aktar viċin tal-oħrajn u ta’ Alla.
Kull wieħed u waħda minnha hija uniku/a #prayerspace
Bdejna b’xi ħaġa prattika. Il-Prayer Space bl-isem “Jien Uniku/a”, għenet lill-istudenti jagħrfu d-doni u t-talenti tagħhom, flimkien mal-kwalitajiet u l-abiltajiet sbieħ tagħhom. Huma ħarsu lejn il-mera, u kitbu d-doni u t-talenti tagħhom fuq post it-note u waħħluhom mal-mera.
L-Individwalità Tiegħi
Iddiskutejna u qsamna ideat flimkien fosthom:
- Li meta nuża l-individwalità tiegħi biex naqdi lill-oħrajn, inkun strument f’idejn Alla.
- Li nagħraf nirringrazzja lil Alla għat-talenti li tani biex bihom inservi u ngħin lill-oħrajn.
- Li kull ħaġa żgħira jew kbira li nagħmel ma’ persuni, hija opportunità biex nagħmel differenza fil-ħajja ta’ dak li jkun.
- Li bl-individwalità tiegħi nibni relazzjonijet sbieħ ma’ oħrajn, fejn dak li jkun iħossu milqugħ, aċċettat b’hekk nifhmu lil xulxin, naslu għall-kompromess, soluzjoni, u ngħixu fil-paci u armonija.
- Li meta napprezza u nħaddan l-individwalità tiegħi, inkun qed inħajjar lill-persuni oħra japprezzaw l-individwalità tagħhom ukoll.
Alla ħalaqna lkoll uniċi u meta nħarsu lejn kull wieħed u waħda minnha, niffurmaw bħal tapestry sabiħa, magħmulha minn individwi uniċi. Innutajna li bl-individwaltà tagħna, inħallu impatt pożittiv fuq il-ħajja tal-oħrajn, u din twassal bidla għall-aħjar u twettaq l-għan li għalih qegħdin ngħixu l-ħajja tagħna.
Ostakli
Komplejna naraw flimkien kif xi ostakli fil-ħajja jistgħu jressquna aktar viċin tal-oħrajn u ta’ Alla; pereżempju quddiem it-telfa ta’ xi ħadd għażiż għalina, meta jinqala’ xi mard fil-familji tagħna jew meta nkun se nibda naqta’ qalbi quddiem xi ħaġa li tidher kbira f’għajnejja u ma nkunx naf x’ser naqbad nagħmel. Permezz tad-doni u tat-talenti sbieħ li Alla tana, nużawhom biex nesprimu lilna nfusna f’dak li nkunu għaddejjin minnu; kif ukoll induru lejn Alla kontinwament, nitolbuh jagħtina l-għerf tiegħu u jipprovdilna persuni fil-mument it-tajjeb li jagħmlulna l-kuraġġ meta nkunu qed naqtgħu qalbna.
Ktieb ‘Spazju għal Qalbi’
Fi tmiem tas-sessjoni, l-istudenti ngħataw il-ktieb ‘Spazju għal qalbi’ biex permezz tal-istejjer, ikunu jistgħu jirrelataw mal-karattri f’kull storja, jirriflettu u jitolbu u jkomplu jiskopru d-doni, it-talenti u l-individwalità tagħhom.
L-SDS jirringrazzja lill-SLT tal-iskola tal-istedina u lil Ms Emma Lanzon u l-istudenti tagħha.