B’ommi fil-ġenna u missieri qisu msiefer
Dan il-Milied qed inħossu kiefer
Għala mà, ħallejtni?
Għala pà, insejtni?
Man-nanna tħallini jum wara jum
Magħha niekol, norqod u nqum
Hekk qed nitrabba
Minn għandha qed nara mħabba.
Imma inti Pà
Taf kemm nixtieq narak?
Taf kemm nixtieq nagħfsek waħda miegħi?
Taf kemm nixtieq ngħidlek dwar ħajti?
Għandek idea, jien minn x’hiex jien għaddej?
Int mitluf biss wara l-maħbuba l-ġdida
Int fiha erġajt sibt il-wens
Int lil ħajtek qed terġa’ tagħti sens
Imma lili tlaqtni, warrabtni
Ma tridx xkiel ma’ saqajk
Għalhekk ħallejtni warajk
Mela ħa ngħidlek ftit
Jien, ninsab hawn nibki lill-mamà kuljum
Ma nafx hekk kemm ser indum
Għalxejn kulħadd jgħidli biex nagħmel kuraġġ u l-qalb
U li qed jiftakru fija waqt il-ħin tat-talb
Jien l-iskola, niżvoga fil-ġlied, għajjat, tisbit
Ma’ sħabi filgħaxija, tajtha għat-tħarbit
Ninnervja, inwerżaq u naħtaf lil kulħadd
Mingħajr ma noqgħod inqis lil ħadd
Għajjietni dil-ħajja, nixtieq ngħix aħjar
Inħossni kuljum sejjer għall-agħar
F’dan il-Milied se nipprova ndur lejk
Għażiż Bambin imgeżwer fit-tajjar!