Awwissu! Nofs il-vaganzi tas-sajf. Imma kemm se ndum nitgħażżen fuq is-sufan, bil-laptop f’ħoġri niċċettja ma’ sħabi u nilgħab fuq l-internet? U kemm se ndum rieqed u nqum tard, kważi eżatt għall-ħin tal-ikel? Imma llum, meta kont wiċċi ’l fuq fis-sodda, ħsibt f’dawn:

  • Irrid nipprova nsib ġurnata fil-ġimgħa u niddedikaha għal persuna li tieħu ħsiebi (missieri, ommi, nanna). Insib xi ħaġa li nistgħu nagħmlu flimkien (nixtru, nimxu, ngħumu) li tqarribna aktar bejnietna.
  • Niddedika ġurnata oħra fil-ġimgħa biex innaddaf u norganizza kamarti… bla ma ngerger jew nonfoħ! Jekk norqod fl-istess kamra ma’ ħija, inħajru nagħmluha flimkien.
  •  Nitgħallem nuża l-washing machine u nonxor ħwejġi.
  • Immidd idi u nitgħallem insajjar xi ħaġa. Immidd idi wkoll fil-ħasil tal-platti, mhux dejjem inħallih għal ommi.
  • Nipprova nqum kmieni biex nara s-sbuħija tax-xemx tielgħa minn fuq il-baħar. Xi darba filgħaxija nipprova nammira x-xemx nieżla. Spettaklu mill-isbaħ… u b’xejn!
  • Immur ngħum u nirrilassa. Nixtri maskra u nammira l-ġmiel ta’ taħt il-baħar. Irrid nitgħallem nistagħġeb bil-bebbux, iċ-ċagħaq, ir-rizzi, il-mewġ.
  • Nistieden xi żewġt iħbieb id-dar u nagħmlu xi ħaġa kreattiva flimkien: nibnu mudell ta’ xini, niżbgħu bieb u twieqi, inħawlu pjanti.
  • Nara għandix talent u nara kif niżviluppah.
  • Nitgħallem strument jew nibda sport li jgħinni niċċaqlaq ftit.
  • Noħroġ mid-dar u għal darba fil-ġimgħa nġib ruħi ta’ turist f’pajjiżi stess. Malta żgħira, imma akbar mill-belt jew ir-raħal fejn noqgħod!
  • Naqra ktieb sabiħ. Ninteressa ruħi f’dak li qed jiġri fid-dinja. Anki dwar xi ħadd li ta xhieda tal-fidi tiegħu.
  • Insib saċerdot li jifhimni u mmur inqerr għandu bil-kwiet. Insir ħabib tiegħu u mhux biss inqerr għandu.
  • Darba fil-ġimgħa nfittex kappella. M’għandix għalfejn nistħi jew niddejjaq nidħol u noqgħod quddiem is-Sagrament, niftaħ qalbi ma’ Ġesù.
  • Għall-inqas il-Ħadd immur il-quddies u nitqarben….

Kont se nibqa’ għaddej bil-lista imma, qed ngħid… issa tant għandi x’nagħmel li m’għandix ċans nagħmel kollox! Mhux se nibqa’ aktar nitgħażżen fis-sodda sa nofsinhar. Mhux se nibqa’ naħli l-ħin fit-television u facebook, għax is-sajf diġà għadda nofsu!…

Awwissu 2016