Carla kienet drat tagħmel dejjem l-istess ħaġa kuljum: tqum filgħodu, taqbad tal-linja, tmur l-iskola, terġa’ lura d-dar, tintefa’ tara episodju, tlesti l-istudju, torqod ftit (jew ħafna), imbagħad tqum u toħroġ mal-ħbieb. L-għada l-istess, tqum għajjiena, kważi b’nofs ħeġġa u terġa’ taqbad tal-linja, tmur l-iskola, lura d-dar, tara episodju ieħor waqt li tiekol, imbagħad torqod, tqum u terġa’ toħroġ mal-ħbieb….
Issa kien ġej long weekend u ħbiebha webbluha tmur magħhom ġo farmhouse bil-pixxina. Dażgur li tmur! Imma ġara li ħabib ieħor tagħha, li kienet saret tafu xi ftit tal-ġimgħat qabel u li veru kellha grazzja miegħu, kellu xi ħaġa oħra ppjanata għal dak l-istess tmiem il-ġimgħa. Kien se jattendi tlett ijiem irtir għaż-żgħażagħ u ħajjarha tattendi miegħu.
Kienet bejn ħaltejn: weekend ġo farmhouse kieku jogħġobha, imma ma xtaqitx tgħid le lill-ġuvni li tiffansja – avolja dan l-irtir ma tantx ratu ħobż għal snienha! Fl-aħħar qatgħetha li tibbukkja għall-irtir. Jekk xejn, tkun ħdejh!
Malli daħlet fid-dar tal-irtiri sabet grupp ta’ żgħażagħ kollha deċiżi li għal ftit jiem iħallu l-ġenn tas-soltu u jesperjenzaw it-trankwillità u l-paċi. Introduċew lilhom infushom u ngħataw il-programm.
Kellhom ħin biex jiffukaw fuq id-doni tal-Ispirtu s-Santu u jiskopru t-talenti li għandhom u kif jistgħu jikbru fihom għall-ġid tagħhom u tal-oħrajn. Kellhom ħin japprezzaw is-sabiħ tal-ħbiberija u jduqu l-preżenza t’Alla fis-sbuħija tan-natura li kien hemm madwar il-post. Setgħu jesperjenzaw is-sempliċità tal-ħajja billi jitfu l-mowbajl u l-internet u jfittxu l-kwiet. B’hekk setgħu jsibu ħin u spazju biex jaħsbu fuq ħajjithom u r-relazzjoni tagħhom ma’ Alla.
Carla kienet sejra tajjeb. Ħadet gost tagħmel ħbieb ġodda, tkanta, titlob, u tisma’ l-esperjenzi ta’ żgħażagħ oħra. Indunat kemm hi ħaġa tajba li xi kultant taqta’ ftit mir-rutina tas-soltu u tiskopri esperjenzi ġodda. Imma f’ħin minnhom ingħatat sett ta’ mistoqsijiet mill-qoffa u kellha tmur tweġibhom f’qalbha… u quddiem dawn il-mistoqsijiet sabet sfida kbira:
“Int min int? Kif tiddeskrivi lilek innifsek? F’liema stadju tal-ħajja wasalt? X’int tagħmel eżatt b’ħajtek? X’inhuma l-prijoritajiet fil-ħajja tiegħek? Qatt ħsibt dwar il-pjan t’Alla għalik?”
U f’qalbha wieġbet: “Boqq, ma nafx!”
Id-diskussjoni li nħolqot għenitha twieġeb dawn il-mistoqsijiet fundamentali. It-tlett ijiem malajr taru, imma l-ġid li ħadet Carla se tibqa’ ġġorru ħajjitha kollha. Inti titħajjar tattendi xi rtir li jsiru apposta għaż-żgħażagħ, kemm f’Malta kif ukoll barra?
–
Ġunju 2016