Ftit ilu fettilli mmur Għajn Tuffieħa biex nammira x-xemx nieżla fuq il-baħar kaħlani. Neħħejt il-karkur minn saqajja u bdejt miexi fuq ir-ramel. F’nofs il-bajja waqaft, frixt ix-xugaman u poġġejt fuqu. Bdejt inħares lejn is-sema u nitpaxxa bil-ġmiel tal-kuluri ħerġin mir-raġġi tax-xemx, sakemm din ix-xena tant meraviljuża sparixxiet minn quddiem għajnejja meta niżlet ix-xemx.
Ftit metri ’l bogħod minni resqet tfajla u poġġiet fuq ir-ramel hija wkoll. Mill-basket ħarġet ktieb żgħir, speċi ta’ notebook. Stajt ninnota li l-qoxra ta’ dan il-ktejjeb kienet miksija għall-gosti tagħha, u hekk kif bdiet iddawwar il-paġni bil-linji, qabdet daqsxejn ta’ lapes u lmaħtha tikteb fuqu. Fettlilha tgħolli rasha ’l fuq. U kien dak il-ħin li għajnejha ltaqgħu ma’ tiegħi, u bi tbissima staqsietni, “Titħajjar iżżomm journal?”
Ħasditni, u ma kontx naf kif se nweġibha. Hi bdiet tispjegali kif dan il-ktejjeb kien għaliha “santwarju” fejn tista’ tħossha komda, safe, kalma u sinċiera magħha nnifisha. Fuqu kienet tikteb l-esperjenzi li kienu jispirawha, ħsibijietha, sbieħ kif ukoll koroh. Tniżżel id-diffikultajiet, il-weġgħat u l-ansjetajiet li tiltaqa’ magħhom fil-ħajja tagħha.
“Dan mhux djarju,” kompliet tgħidli. “Dan il-ktejjeb huwa mezz tajjeb biex ikollok suċċess fil-ħajja tiegħek, tħossok kuntent u ssib il-paċi f’qalbek.”
L-ewwel ħaġa li għamilt l-għada filgħodu kienet li mort għand l-istationery ta’ ħdejna u xtrajt l-ewwel journal tiegħi. Għall-ewwel sibtha diffiċli nikteb għax moħħi kien ibbumbardjat b’ħafna ħsibijiet li ħassejthom itaqqluli moħħi. Imma ppruvajt, u kienu proprju dawn il-ħsibijiet li ktibt fuq l-ewwel paġni tal-Prayer Journal tiegħi:
“Mulej, inħossni mtaqqal. Ma nafx kif se niddeċiedi dwar diversi għażliet f’ħajti. Qed inħossni waħdi u ma nista’ niftaħ qalbi ma’ ħadd.”
U filli idi ġġammjata, u f’daqqa waħda sibt lili nnifsi ma nistax nieqaf nikteb! Bil-mod il-mod, qalbi bdiet issib il-mistrieħ hekk kif bdejt inferra’ ħsibijieti fuq il-karta.
Għaddew tliet snin, u s’issa għandi żewġ prayer journals. Matul dawn il-kitbiet inħoss li Alla jkun preżenti ħdejja u miegħi. Dak li ma nkunx kapaċi nitlob bil-fomm, għax kont naħseb li t-talb huwa tan-nanniet, sibt li t-talb tiegħi qed nagħmlu permezz tal-kitba fuq il-journal. Permezz tal-kitba, inħossni nikkomunika ma’ Alla.
Bħal żewġt iħbieb li jiftħu qalbhom dwar kollox, jien sibt ħabib ta’ vera f’dan il-prayer journal.
Kollox sirt nikteb fuqu. Meta nkun imdejjaq niftaħ paġna u nikteb id-dwejjaq. Meta nkun irrabjat għal xi ħadd, jew anke għalija nnifsi, nikteb dak li nkun qed inħoss. Inħossni nistrieħ wara għax inkun ħriġt ir-rabja minn ġo fija.
Dan il-prayer journal qed jagħtini l-opportunità li nieqaf ftit mir-rutina tal-ħajja u nsib spazju fejn jien nikteb anke mistoqsijiet tqal li nħoss ġo fija. Mistoqsijiet kbar li ma nsibx il-kuraġġ nistaqsihom lil ħadd.
Aktar ma jgħaddi ż-żmien qed ninduna kemm sirt kapaċi nesprimi aktar lili nnifsi dwar dak li nkun għaddej minnu. Sirt nikteb il-weġgħat tal-passat, ir-rabja li għandi għal xi ċirkustanża partikolari, l-inkwiet tiegħi li jinqala’ ta’ kuljum, il-mard, u anke l-biżgħat dwar dak li għad isir minni fil-futur. Mhux biss, imma sirt nikteb il-ħolm tiegħi u dak li nixtieq li jseħħ aktar ’il quddiem matul ħajti.
Tgħallimt napprezza aktar il-kobor tal-ħajja u tan-nies li nkun imdawwar bihom. Ta’ dan nikteb talba ta’ ringrazzjament lil Alla. Meta nkun fuq l-internet, speċjalment Facebook, u niltaqa’ ma’ xi kwotazzjoni sabiħa u pożittiva, niktibha wkoll. Nikteb ukoll xi vers sabiħ mill-Iskrittura Mqaddsa. U meta xi ħadd jgħidli xi kelma ta’ ġid immur niktibha malajr biex nibqa’ niftakarha.
Sirt inżejjen il-kitbiet tiegħi b’xi tpinġija għax l-arti hija wieħed mit-talenti tiegħi. Ġieli nwaħħal xi stampa u nikteb dak li jkun laqatni dwarha. Xi drabi nwaħħal xi card jew bookmark biex inkompli nsebbaħ il-kitbiet tiegħi.
Meta jiġu mumenti xotti u ma nkunx naf x’se nikteb, nieħu gost inqalleb fil-paġni u noqgħod naqra dak li nkun ktibt fil-kitbiet ta’ qabel. Nara lili nnifsi nikber u nimmatura kemm f’dak li nkun għaddejt minnu kif ukoll fl-għaqda sħiħa mal-Mulej.
Illum diġà naf x’se nikteb! Se nikteb li s-sodisfazzjon li nsib fil-kitba, l-hena u l-paċi li niltaqa’ magħhom permezz tal-prayer journal illum qsamtu magħkom!
Grazzi tal-ħin li ħadtu biex taqraw din il-kitba. Jekk titħajru tibdew iżżommu Prayer Journal, tistgħu tieħdu ħafna ideat minn fuq Youtube billi tiktbu Prayer Journals.
–
Jannar 2016