Carmen hija tfajla kreattiva ħafna u mix-xejn kapaċi toħloq xi ħaġa sabiħa. Tħobb ukoll torganizza mixjiet f’Malta u Għawdex fejn tagħżel mogħdijiet stabbiliti biex ma ssirx ħsara lill-ambjent. Sħabha u oħrajn li jħobbu jingħaqdu magħha jkunu jistennew il-ġurnata biex jerħulha jimxu f’wieħed mill-pajsaġġi sbieħ li għandna fil-gzejjer Maltin.

Fost dak li għandhom ippjanati hemm il-mixja tal-Maqluba mis-Siġġiewi sal-Qrendi, il-mixja tal-Girgenti mill-Buskett sas-Siġġiewi, il-mixja f’tas-Silġ minn Marsaskala sa Marsaxlokk, il-mixja tal-Fawwara u l-mixja mill-Baħrija sal-Imtaħleb. Jixtiequ jimxu wkoll f’Kemmuna u f’Għawdex, fosthom f’Wied il-Għasri (Żebbuġ) u f’Wied il-Mielaħ (Għarb).

F’dawn  il-mixjiet ma jonqosx li  jieklu, jixorbu u jkantaw ukoll! Carmen tinkludi ukoll waqfiet fejn jgħaddu ħinijiet ta’ silenzju, talb u qsim ta’ esperjenzi bejniethom. Dejjem jirnexxilha toħroġ b’xi ħaġa sabiħa meta jiġu biex jinġabru ftit u jitolbu f’ambjent naturali.

Fil-mixja tal-lum waqqfithom ftit fuq il-ħaxix ħdejn għadira żgħira tal-ilma u qaltilhom: “Illum se nirriflettu dwar it-tamiet u x-xewqat tagħna; xewqat personali, xewqat dwar il-familji tagħna u xewqat għad dinja li lkoll ngħixu fiha.” U kompliet:

  • Aħsbu f’dak li hu importanti fil-ħajja tagħkom. X’tixtiequ li jseħħ f’ħajjitkom, fil-familja tagħkom, fl-ambjenti li tgħixu fihom kuljum?
  • Aħsbu dwar dak li tixtiequ twettqu fil-ħajja, kemm issa  kif ukoll aktar ‘il quddiem. 
  • X’inhi dik ix-xewqa sabiħa li dejjem toħlom dwarha u forsi taraha impossibbli li sseħħ, u għalhekk trid taħdem ħafna għaliha?
  • X’inhi t-tama tiegħek għad-dinja?

Imbagħad, mill-basket tagħha ħarġet ftit karti mqasqsin f’forom ta’ fjuri u tathom waħda kull wieħed biex jiktbu fuqhom dawn ix-xewqat f’forma ta’ talba lil Alla.  Imbagħad qaltilhom biex jitwu l-petali lejn in-nofs u jpoġġuhom f’wiċċ l-ilma f’dik l-għadira żgħira.

Stednithom jaraw kif, bil-mod il-mod, il-petali tal-karti jinfetħu hekk kif imissu mal-ilma u staqsiethom kif qed iħossuhom waqt li qed jaraw il-petali bix-xewqat tagħhom jinfetħu. 

Imbagħad kulħadd qal x’kienet ix-xewqa tiegħu. Fosthom kien hemm żagħżugħ li talab hekk: ‘Mulej, inti taf il-ħolm u x-xewqat tiegħi kollha u nispera li dawn huma parti mill-pjanijiet tiegħek għalija. B’fidi sħiħa fik se nafda u noffri dawn ix-xewqat tiegħi f’idejk. Inti li tinsab dejjem miegħi, nitolbok biex jekk inti trid, toħroġ minnhom dak li tixtieq int u dak li hu l-aħjar għalija.’

April 2018