Jekk iva, mela dawn smajthom żgur fuq l-ajruplan!
“Aqflu ċ-ċinturin tas-sigurtà, itfu l-mowbajls u apparat elettroniku ieħor. Tipjip mhux permess fuq din it-titjira,” qalet il-vuċi ħelwa tal-airhostess ftit qabel ma l-ajruplan beda t-titjira tiegħu.
Hija kompliet turina kif nilbsu l-maskra tan-nifs kif ukoll kif tintlibes il-life jacket u semmiet prekawzjonijiet oħra f’każ ta’ xi emerġenza.
Mark kienu se jibdew jaqbduh in-nervi għax dawn l-istruzzjonijiet kollha, li bdew jidhru anki fuq il-monitors li kien hemm fil-passaġġ tal-ajruplan, bdew iqabbduh il-friefet fl-istonku – avolja dawn kienu meħtieġa biex il-passiġġieri u l-ekwipaġġ jivvjaġġaw b’mod aktar sigur.
Wara ftit li nqtajna mill-art u bdejna l-vjaġġ tagħna, Paolo, il-passiġġier li kien bilqiegħda ħdejn Mark, innota li kien xi ftit ansjuż u bi tbissima staqsieh jekk din kenitx l-ewwel titjira tiegħu. Mark wieġbu li għalkemm ġieli siefer drabi oħra, din id-darba kien qed isiefer waħdu għax kien sejjer jistudja f’università ġdida. Paolo beda jitkellem miegħu, awguralu u għamillu l-kuraġġ biex ma joqgħodx jibża’ fuq l-ajruplan, u qallu:
“Kull darba li nsiefer u nisma’ lill-airhostess tannunzja dawn l-istruzzjonijiet jien noqgħod nirrifletti dwar dak li tkun qed tgħid u nqabbilhom mal-ħajja tiegħi. Waqt li ċ-ċinturin tas-sigurtà nilbsuh biex nipproteġu lilna nfusna waqt xi turbolenza, għalija ċ-ċinturin tas-sigurtà huwa Alla – dejjem hemm, dejjem marbut u mgħannaq miegħi għax bih imdawwar miegħi nħossni sigur, ċert li dejjem se nsib l-għajnuna minnu.
Bħala passiġġieri fuq dan l-ajruplan, aħna kellna bilfors nintelqu u nafdaw ħajjitna f’idejn il-pilota, il-persuna li qatt ma rajna qabel għajr għall-mument li sellmilna fil-bieb tal-ajruplan. Dan il-pilota ser jeħodna fil-pajjiż tal-għażla tagħna u għalhekk nafu fejn sejrin. Issa jien fil-ħajja tiegħi nafha d-destinazzjoni tiegħi. Naf fejn irrid immur. Waħdi ma nasalx, imma b’Ġesu bħala l-pilota tiegħi ser nasal żgur.”
Sadattant wasal il-ħin biex jitqassam l-ikel. Waqt li bdejna nieklu, Paolo kompla jgħidlu:
“Meta f’każ ta’ emerġenza jinżlu l-maskri tan-nifs quddiemek, qis li l-ewwel ħaġa li tagħmel hi li tilbes il-maskra int, imbagħad għin lil min ikun ħdejk jilbes il-maskra tiegħu. Jekk ma tagħmilx hekk, fil-fixla taqta’ nifsek int għax ma tkunx ilħaqt ilbist il-maskra u hekk imutu wkoll dawk li jkunu miegħek, u ma jsalva ħadd.
Hekk ukoll fil-ħajja tiegħi. Qiegħed nitgħallem u nitħarreġ li n-nifs tiegħi nimlieh bin-nifs ta’ Alla. Meta nimtela bin-nifs ta’ Alla, jien inkun nista’ ngħadddi ’l Alla lil ħaddieħor ukoll: lil sħabi l-iskola, l-università, fil-familja, it-tfajla jew il-ġuvni, fuq ix-xogħol, u kull fejn inkun. Kullimkien nista’ nsalva lil ħaddieħor – inkella naqtgħu nifisna lkoll kemm aħna!”
Mark deher jieħu interess f’dak li kien qed jisma’ u b’kurżità kbira staqsieh: “U l-mowbajl, l-apparat elettroniku u s-sigaretti fiex ifakkruk?”
Paolo reġa’ tbissem u qallu:
“Meta jkolli nitfi l-mowbajl u t-tablet fuq l-ajruplan ninduna kemm ġieli ħlejt sigħat fuqhom. Min jaf kemm lgħabt logħob waħdi jew ma’ sħabi u spiċċajt tlift mill-istudju jew l-irqad! Kemm ħlejt żmien niċċassa lejn l-iskrin tal-laptop meta kelli aktar affarijiet importanti x’nagħmel! Għalhekk meta nitfi l-mowbajl jew il-laptop għal ċertu ħin ninduna kemm hu importanti li ninqata’ ftit mill-bumbardament tal-midja soċjali u napprezza ftit il-kwiet. Sirt infittixhom mumenti bħal dawn għax fil-kwiet niftaħ qalbi m’Alla dwar dak li nkun għaddej minnu u nisma’ xi jrid jgħidli.
Meta l-airhostess tgħid li t-tipjip fuq l-ajruplan mhux permess, inġib quddiem għajnejja l-ħsara kbira li d-dħaħen tas-sigaretti jagħmlu lill-pulmun tiegħi u ta’ dawk li jkunu ħdejja. Niftakar ukoll f’sieħbi li ħalliena ftit ilu b’marda minħabba l-ammont kbir ta’ sigaretti li kien ipejjep kuljum. Għalhekk m’għadnix inpejjep u minflok qed immur xi mixja fil-kampanja jew ħdejn il-baħar u noqgħod inxomm l-arja pura u nammira n-natura.” Issa konna wasalna biex ninżlu fid-destinazzjoni tagħna. Ftit qabel ma ħareġ mill-ajruplan, Paolo sellem lil Mark u awguralu kull suċċess fl-istudji tiegħu. L-aħħar kliem ta’ Paolo kienu: “Mark, tinsiex dak li għedtlek meta terġa’ tivvjaġġa fuq ajruplan!”
–
April 2016