Kull nhar ta’ Ħadd wara nofsinhar, Ian u sħabu għandhom id-drawwa li jippreparaw xi ftit ikel u xarbiet bil-frott frisk u joħorġu dawra bir-roti flimkien bħala grupp.
Din id-darba kien imiss lilu jgħidilhom liema rotta jaqbdu. Peress li jħobb l-għasafar u l-kampanja, issuġġerielhom imorru ċ-Chadwick Lakes.
Kienu jistennewh bil-ħerqa l-Ħadd għax kien jgħinhom ikabbru l-ħbiberija ta’ bejniethom waqt li jaqdfu flimkien. U llum xejn inqas! Kif waslu, Ian indikalhom il-post fejn kellhom jieqfu biex jistrieħu. Ħallew ir-roti mal-ħajt tas-sejjieħ, firxu gverta taħt id-dell ta’ siġra, poġġew u qasmu l-ikel bejniethom. Waqt li tkellmu u daħku flimkien, tpaxxew b’tant friefet ikkuluriti li bdew jittajru fuq l-ilmijiet fil-wied.
Għajnejn Ian waqgħu fuq is-siġar li kienu spuntaw u kibru mal-ġnub tal-wied. Stagħġeb kif minkejja dawk l-ilmijiet kollha li kienu jgħaddu b’tant qawwa ma tqaċċtux iżda baqgħu jikbru, jitwalu u jissudaw. Ħares sew fl-ilma u fil-fond ra li l-għeruq tas-siġar kienu mqabbdin sew mal-qiegħ tal-wied. Ra wkoll xi friegħi rqaq imqaċċtin li bdew jinġarru mal-ilma. Waqt li ħares sew madwaru, lemaħ ukoll weraq nexfin li mid-dehra safranija tagħhom kienu ilhom sew li waqgħu mis-siġar. F’daqqa waħda stħajjel lil dawn is-siġar ikellmuh u bħal semagħhom jgħidulu: “Ian, qis li tixbah lilna s-siġar! Bħalna, ibqa’ ikber f’ġuvni bil-għaqal. Ħaddar kull fejn tkun bl-affarijiet sbieħ u tajba li tagħmel. Ara aħna kemm qegħdin imħawlin tajjeb f’art soda! Int ukoll għandek għeruq imqabbdin f’bażi soda. It-tagħlim li tawk il-ġenituri u l-fidi Nisranija li inti tħaddan, twarrabhomx minn ħajtek. Ħu ħsieb il-karattru sod li għandek. Meta tiltaqa’ ma’ xi sitwazzjoni diffiċli fejn ikun hemm min jipprova jħawwadlek ħajtek, attent li ma tinġarrx mal-kurrent. Bħall-friegħi mqaċċtin tagħna, int ukoll qaċċat minn ġo fik dak kollu li tħoss li jfixklek. Il-weraq imwaqqgħin, li minflokhom jikbru weraq ġodda, għandhom ifakkruk li fil-ħajja dejjem tista’ tibda mill-ġdid wara li tkun żbaljajt. Ħu ħsieb li ssostni ruħek minn għejun friski u tajba ħalli tagħmel ħafna frott, bħalna s-siġar. L-għajn ewlieni tiegħek għandu jkun Ġesù. Waqt li tapprezza dak kollu li int, qatt tqabbel lilek innifsek ma’ ħaddieħor għax int bħal siġra unika u bnina, li taf toffri kenn lil min ifittixha.”
–
April 2017