L-aħwa bdew iduru l-ħwienet biex jixtru rigal għal Jum l-Omm. F’ħin minnhom, Jeremy lemaħ kwadru magħmul mis-sufra. “Dak se nixtrilha jien!”

Ferħan se jtir li sab dak ir-rigal oriġinali, mar dritt id-dar, fetaħ il-kexxun tal-iskrivanija u beda jikteb fuq karti kkuluriti bl-għan li, kif ilesti, jippinnja kull karta mal-kwadru tas-sufra u jagħtih lil ommu.

Fuq karti ĦOMOR forma ta’ qlub kiteb dwar l-imħabba: “Ma, irrid ngħidlek li nħobbok ħafna, imma qatt ma jirnexxili ngħidlek bil-fomm. Inħobbok dejjem, meta ferħan u meta le. Inħobbok ukoll meta nkun irrabjat, imdejjaq, inkwetat mingħajr ma jien stess inkun naf l-għala, u int bil-ġentilezza kollha tiġi ħdejja u nħossni nieħu r-ruħ. Inħobbok, ma, talli tagħraf tatini l-ispazju li neħtieġ biex nikber, naħseb u nimmatura.”

Fuq karti BOJOD forma ta’ demgħa kiteb dwar id-dispjaċir: “Skużani għal meta għollejt leħni miegħek u ma tajtx kas ta’ li tgħidli. Skużani meta naħsdek b’dak li nagħmel u li f’għajnejk jidher ħażin. Tinkwetax għax sa ġimgħa wara naf jien stess ma nkunx naqbel ma’ dak li nkun għamilt! Jiddispjaċini jekk forsi tħoss li m’għadnix infittxek daqskemm kont ftit snin ilu u minħabba f’hekk nargumentaw spiss. Tiħux għalik, b’daqshekk, u tħossokx li qed inwarrbek.”

Imbagħad ħa karti ĦODOR forma ta’ petali u kiteb ix-xewqat: “Ma, nixtieqek tibqa’ tgħallimni l-perikli tal-ħajja, avolja nagħtik l-impressjoni li naf naffronta kollox. Meta nidher li għandi kontroll ta’ dak li nagħmel, fil-verità nkun għadni ma tgħallimtx kif nikkontrolla lili nnifsi. Fil-qiegħ ta’ qalbi nkun nixtieqek tibqa’ tiggwidani. Nixtieqek tkun taf kemm drabi nkun irrid noqgħod ħdejk biex nitkellem miegħek imma ma nafx kif u veru nħossni skomdu. Għalhekk, grazzi ta’ meta ssib modi kreattivi ta’ kif iġġegħelni nitkellem miegħek. B’hekk tneħħili ħafna mill-ansjetà li jkolli.”

Imbagħad ħa karti SOFOR u fuqhom kiteb ir-ringrazzjamenti: “Ma, grazzi ta’ kull darba li waqaftli, kont soda miegħi u ma bżajtx tikkoreġini. Grazzi meta tkun taf eżatt meta jkolli bżonn l-għajnuna għax mhux dejjem inkun naf kif nitlobha. Grazzi wkoll ta’ kull meta tgħidli li sejjer tajjeb f’xi ħaġa għax kieku ma tgħidlix int, jien waħdi ma narax it-tajjeb li hemm fija. Dil-ħaġa tgħinni biex ikolli opinjoni tajba tiegħi nnifsi. Grazzi talli tafni sew, bħal donnok taqrali moħħi u tkun taf eżatt x’għandi bżonn. Grazzi talli tagħraf issib ħin għalik ukoll. Jien nieħu gost narak tagħmel dak li tħobb.”

Fuq karta VJOLA f’forma ta’ warda kiteb hekk: “Ma, irrid ngħidlek li nammirak meta tiġbidli l-attenzjoni dwar xi ħaġa ħażina għax kieku ma twaqqafnix int, jien nagħmilha żgur. U jekk forsi nagħtik l-impressjoni li jien ma nagħtix kas, ibqa’ ċerta li jien kburi bik. Ibqa’ ħu ħsieb tiegħek innifsek għax meta narak mgħobbija bil-ħsibijiet minħabba fija, tgħidx kemm ninkedd għalik! Grazzi li tibqa’ temmen fija u f’dak li nagħmel. Kliemek ħelu, u l-imħabba li nirċievi mingħandek żgur se jibqgħu miegħi ġewwa qalbi. Inħobbok, ma!”

Kif lesta dawn il-kitbiet, Jeremy waħħal kollox mal-kwadru tas-sufra u, kuntent kif kien li rnexxielu jesprimi lilu nnifsu, mar dritt lejn ommu jagħtiha dan ir-rigal oriġinali.

“Ma, irrid ngħidlek li nħobbok ħafna, imma qatt ma jirnexxili ngħidlek bil-fomm. Inħobbok dejjem, meta ferħan u meta le.”

Mejju 2017