Tina daħlet tbiddel fiċ-changing room, imma ma bidlitx biss il-ħwejjeġ!

Kull meta Tina tidħol wara l-purtiera taċ-changing room biex tipprova l-ħwejjeġ, għajnejha jaqgħu fuq il-mera. U minflok tara jekk il-ħwejjeg jiġuhiex jew le, toqgħod tħares lejn il-ponot f’wiċċha, kemm hi ħoxna (ommha tgħid li hi rqiqa), kemm hi qasira, snienha ’l barra, imneħirha ikrah. Xi drabi tisma’ leħen antipatiku ġo fiha jgħidilha li l-ħwejjeġ jidhru koroh fuqha u ma jixirqilha xejn. Tispiċċa titlaq kollox imdendel mal-ispallieri, ma tixtri xejn, u toħrog mill-ħanut b’geddum sal-art.

Iżda m’ilux, daħlet f’changing room biex tipprova xi ħwejjeġ, u nnutat li mal-mera kien hemm minquxin sett mistoqsijiet. Resqet viċin u bdiet taqra:

Inti li qed tħares lejn il-mera, int min int?

Kif tħossok meta tħares lejn dik il-persuna fil-mera?

X’jogħġbok dwarha? X’ma jogħġbokx?

X’taħseb li jgħidu n-nies meta tarahom iħarsu lejk?

Maħsuda b’dawn il-mistoqsijiet, Tina dendlet il-ħwejjeġ mal-granpuni u niżlet bilqiegħda fuq banketta. Ħassitha skomda tħares dirett lejha nnifisha biex issib xi ħaġa sabiħa dwarha. F’qalbha qalet, “Jien ma jogħġobni xejn dwari, l-aktar dal-wiċċ mimli ponot li jġibuli ħafna dwejjaq!”

Imma kompliet taqra. Ħasset għafsa ta’ qalb għad-drabi li tal-familja stess jgħidulha li mhi tajba għal xejn, li kulma tagħmel tagħmlu ħażin. Xebgħet tisma’ li ħutha aħjar minnha, li trid tirsisti aktar fl-iskola biex tilħaqhom! Kemm-il darba tinqata’ għaliha waħedha għax tibża’ li sħabha ma jaċċettawhiex bħala waħda minnhom.

Tina sabitha diffiċli ssib xi ħaġa li togħġobha dwar dik il-persuna fil-mera! Għaliha kien aktar faċli ssemmi dak kollu dwarha li ma jogħġobhiex. Kellha stima baxxa ħafna tagħha nnifisha; taħseb li n-nies dejjem ikunu qed jgħidu xi ħaġa negattiva fuqha meta tarahom iħarsu lejha.

“Kif ġewk il-ħwejjeġ?” instema’ l-leħen ħelu tas-salesgirl. Tina ftakret li kienet f’changing room. Qamet mill-banketta, u waqt li ppruvat il-jeans kompliet taqra x’kien hemm miktub fuq il-mera:

Int min int, u int x’int, ftakar li int m’hawnx bħalek!

Int persuna unika u speċjali ħafna f’għajnejn Alla li jħobbok ħafna hekk kif int.

Minn dakinhar, Tina bdiet tmur aktar spiss f’dak il-ħanut u tidħol tipprova l-ħwejjeġ f’dik iċ-changing room partikolari! Dawk il-mistoqsijiet għenuha ssir taf lilha nnifisha aħjar. Bil-mod il-mod bdiet tafda aktar f’Alla u titolbu jgħinha tagħraf is-sabiħ li hemm fiha. Ftit ftit bdiet tiskopri t-talenti tagħha. Bdiet temmen aktar fiha nnifisha, attenta li meta xi ħadd imaqdarha jew jgħajjarha, tkun b’saħħitha biżżejjed li ma tħallihx jaffettwalha l-mod kif tħares lejha nnifisha u dak li tagħmel. U jien, bħal Tina, irrid niftakar li m’hawnx bħali! Lili wkoll, Alla jħobbni hekk kif jien!

Settembru 2016