Għaliex trid iġġarrab telfa ta’ persuna biex tapprezzaha?
Għaliex trid tħaqqaqha ma’ min xi darba kien l-għażiż tiegħek?
Għaliex jekk jgħidlek kelma bilfors trid tgħidlu tnejn?
Għaliex bilfors trid tgħaddi tiegħek u l-ieħor irid dejjem imil rasu għa li tgħid int?
Għaliex naqra kalma u paċi ma taħmilhomx?
Taf li qegħdin titrasmettu ħafna tensjoni għalxejn?
Taf li qiskom żewġt itfal żgħar maqbudin f’xulxin biex terdgħu mill-istess gażaża?
–
Ippermettuli nsejħilkom boloh, bla moħħ.
Jaħasra! Tliftu r-raġuni.
Ma titwemmnux.
Fejn mar l-għaqal?
U għalkemm nifhem il-weġgħa ta’ kull wieħed,
nażżarda nistaqsi: x’fettlilkom?
X’ħasra, jaħasra!
Biex issa kull wieħed qed ibati l-konsegwenzi ta’ meta
ħalla l’ilsienu jikkmandah,
l-emozzjonijiet jiġru bih,
sakemm id-demm tela’ għal raskom
u ntliftu f’ dagħdigħa.
Għaliex jaħasra flok tfittxu l-għaqda ta’ bejnietkom u toqorbu lejn xulxin
tagħżlu li titbiegħdu aktar?
Se jiġrilkom bħall-Pol Nord u l-Pol Sud:
it-tnejn sbieħ u tpaxxu l-għajn
imma b’distanza hekk kbira minn xulxin,
mimlija kesħa tremenda li twaħħax.
Fil-bidu ta’ dan il-jum nixtieq li x-xemx iddewweb
dak is-silġ kiesaħ li issa ilu jinġema.
–
U jien Mulej, quddiem dan kollu
se nħalli f’idejk bħal dejjem
għax ċerta li fejn ma jasalx il-bniedem, tidħol int.
Illum, Mulej, b’mod specjali nitolbok
biex treġġa’ lura r-raġuni,
trattab il-qlub u tkebbes sew l-imhabba
ta’ dawk li darba kienu jinħabbu
biex terġa sseħħ l-għaqda u tirrenja l-paċi.
–
Silvana Cardona
–
Marzu 2018