Mulej,
illejla, għada, u kuljum,
nitolbok biex jekk jogħġbok
tieħu ħsieb il-familji tagħna.
–
Agħtina l-għerf mistħoqq biex nifhmu l-karattri u l-personalitajiet ta’ xulxin.
Agħtina s-saħħa nieħdu paċenzja b’xulxin,
l-aktar meta nħossuna li ż-żejjed kollu żejjed.
Agħtina qalb kbira biex ngħadru lil xulxin l-aktar meta niżolqu fin-niexef,
niżbaljaw,
nitgħajru,
nargumentaw u ntellfu l-paċi lil xulxin.
–
Agħtina l-kapaċità li filwaqt li nieħdu ħsieb lil xulxin, lill-ġenituri jew lil ħutna,
ma ninsewx nieħdu ħsieb ukoll tagħna nfusna.
Mulej,
inti tafna sew,
taf eżatt dak li hu meħtieġ għalina.
Aħna nafdaw fik għax nemmnu bis-sħiħ li inti magħna u terfgħana fuq spallejk meta nħossuna mgħattna u mgħaffġin u
waħedna għax forsi l-attenzjoni ntefgħet fuq ħaddieħor li jeħtieġha aktar minna.
Aħna konvinti li inti miexi magħna u diġa lestejt għalina dak kollu li għad neħtieġu.
Aħfrilna ta’ meta mhux dejjem ngħarfuha din u anke forsi niddubitaw minnha.
Ġedded fina l-fidi biex nafdawk u nintelqu aktar fik.
–
Mulej, għinna niffukaw fuq il-mument preżenti u ngħixuh sew kemm jista’ jkun għax dak biss hu fiż-żgur.
Għinna nifhmu li dak kollu li qed naħsbu li għad irid iseħħ, huwa biss perċezzjoni tagħna.
Dak li għad jinqala’, jew x’ jista’ jiġri,
għinna nitilquh b’għajnejna magħluqa f’idejk għax int taf x’laħjar li jsir, il-kif u l-meta ta’ kull ċirkustanza futura.
Min jaf kemm nitkissru naħsbu dwar x’ ser isir mit-tfal tagħna, mill-ġenituri tagħna, minn ħutna jew xi membri tal-familja li jeħtieġilhom attenzjoni partikolari.
–
Mulej, nitolbok minn qalbi biex iġġib fix-xejn kull diffikulta, problema, sitwazzjoni diffiċli,
li nħossu u niffaċċjaw jum wara l-ieħor u li xi drabi tkun tqila wisq biex inġorruha.
Jista’ jkun sforz l-għejja jew nuqqas ta’ kooperazzjoni minn l-istess membri tal-familja.
Mulej, int taf kemm drabi nħossuna ser naqbdu n-niżla għax ma naraw l-ebda xaqq dawl quddiemna.
Għalhekk ibqa’ żommilna jdejna għax mingħajrek m’aħna xejn.
Lejk biss induru għall-għajnuna biex fejn ma naslux waħedna jew permezz ta’ nies li tibgħatilna f’ħajjitna, tkompli takkumpanjana inti Mulej.
–
Silvana Cardona
–
Frar 2021