Għeżież Nigel u Mariah,

L-ewwel nett nixtieq ngħidilkom li jien inħobbkom ħafna ħafna.

It-tieni qed niktbilkom din l-ittra biex ikollkom tifkira miktuba ta’ dak li nixtieq ngħidilkom imma li għal diversi raġunijiet mhux qed jirnexxili. Forsi għax ma nsibx il-ħin addattat jew għax intom ma tkunux fil-burdata. Jista’ jkun li fl-età tagħkom aktar jinżel għasel kliem ħbiebkom milli kliemi. Jista’ jkun li għandkom wisq studju u impenji, u ħin biex nitkellmu ftit bis-sens ma nsibux. Qed inħoss li dak kollu li nixtieq ngħidilkom mhu ser jirnexxili ngħidulkom qatt. Għalhekk, sakemm intom qegħdin fuq is-sufan taraw film, qed nibagħtilkom din l-email.

Bħalissa fikom għaxqa narakom attenti għall-film dwar is-supereroj tagħkom! Imma ftakru wkoll f’supereroj ieħor: missierkom. Naf li bħalissa ma tantx sejrin tajjeb miegħu, għax forsi tħossuh antikwat, imma ftakru li meta kontu tikka iżgħar hu kien l-eroj tagħkom: il-papà-supereroj, li jħobbkom immens. Tiftakru kemm kontu tistennewh ħerqana jiġi mix-xogħol biex tirrakkuntawlu l-ġurnata tagħkom?

U issa ħa niġi għal dak li propju rrid ngħidilkom.

Irsistu biex issiru ĦBIEB ma’ Ġesu u tibnu relazzjoni MIEGĦU. Tkellmu miegħu. Għidulu d-dwejjaq, il-problemi tagħkom, id-dubji u l-inkwiet li jkollkom. Iftħu qalbkom miegħu. Afdaw fih, u tibdew tindunaw li l-ġurnata tkun aħjar jekk tgħixuha id f’id miegħu.

U jekk għadkom ma skoprejtuhx, fittxuh! X’intom tistennew? Forsi qed tistaqsu fejn se tfittxuh? L-ewwel irid ikollkom ix-xewqa li tiskopruh f’ħajjitkom u ssiru tafuh personalment. Iftħu dik il-Bibbja li kont xtrajtilkom fiż-żmien tas-sekondarja u ibdew aqraw l-Evanġelji. Aqraw silta qasira u mmarkaw bil-highlighter xi vers li jolqotkom. Ħażżu fil-ġenb xi noti jew tpinġija li tiġikom f’moħħkom biex tifhmu aħjar. U tinsewx tiktbu d-data wkoll biex meta jgħaddi żmien taraw kemm tkunu nbdiltu u kbirtu!

Nigel u Mariah, tistħux tidħlu fid-dar t’Alla. Tiddejqux tfittxu xi saċerdot li jifhimkom. Jalla tħossukom kuntenti li għamiltu dan il-pass – mhux tant għax dħaltu l-knisja imma wkoll li tirċievu lil Ġesù ħaj u reali ġewwa fikom. Tiddejqux mill-ħbieb li forsi jgħaddukom xi naqra biż-żmien, u tistħux turu li qed tgħinu lil xulxin biex tħobbu lil Alla u ssiru tafuh aktar mill-qrib.

Il-mamà xx

Mejju 2016