Nick, iħobbu wisq il-ful, għalhekk, meta zijuh staqsieh jekk riedx imur miegħu sal-għalqa biex jaqta’ kannestru ful, ma ħasibhiex darbtejn. Kienet l-ewwel darba għalih li rifes fl-għalqa u tgħidx kemm ħa gost jaqta’ u jiekol! Imma x-xemx tisreġ fuq rasu ma felaħhiex iżjed u daħal jistrieħ fil-kamra li kien hemm ħdejn il-ġiebja. Mal-ħajt lemaħ kwadru tal-Qalb ta’ Ġesù. Fil-kwiet u l-ħemda li kien hemm, Pawlu tefa’ għajnejh fuq il-ħarsa ħelwa ta’ Ġesù fuq din ix-xbieha u talab hekk:

“Mulej, għinni inti fil-ħajja mtaqqla tiegħi. Inti taf li ħafna drabi ma nkunx naf fejn se naqbad nagħti rasi. Il-ġenn li jien imdawwar bih ma jħallilix enerġija nikkonċentra fuq dak li jista’ jmexxini ’l quddiem. Kemm nixtieq li ħajti tkun differenti minn kif inhi bħalissa! Imma għal diversi raġunijiet donni se nibqa’ ngħaffeġ fl-istess affarijiet. Nixtieq naf nikkontrolla aktar lili nnifsi meta nħossni rrabjat għas-sitwazzjoni li ninsab fiha.

Nistaqsi spiss lili nnifsi għala ħajti ħadet dil-bixra, imma nibqa’ bla tweġiba. Kultant jgħadduli ħsibijiet koroh minn moħħi għax il-ħajja naraha bla skop u nħossha tqila. Uħud iwaħħlu fija u jgħidu li t-tort tiegħi li ninsab hekk. Oħrajn jifhmuni u jafu li jien dak li jien frott ta’ dak kollu li nisma’ u nara jseħħ kontinwament madwari.

Il-kliem ħelu ta’ dawk li jiftħuli għajnejja, u l-ħiliet li jagħtuni biex ngħin lili nnifsi, inħosshom jimlewni bit-tama u l-ħeġġa biex kull filgħodu nipprova nibda l-ġurnata bit-tajjeb. Imma dan sakemm niltaqa’ ma’ sħabi għax magħhom ingerfex u nħawwad kif ifettillu moħħi, bil-konsegwenza li nidħol fi problemi ġodda.

Inħoss li tad-dar jarawni xkiel ma’ saqajhom. Ma nsibni utli għal xejn u ma nkunx naf x’naqbad nagħmel ħlief li nilgħab logħob elettroniku għal sigħat twal, sa filgħodu. Kemm-il darba ġibduli l-attenzjoni li mhux qed nistrieħ u norqod biżżejjed billejl, imma sħabi kollha ‘online’ ikunu u nispiċċa fuq l-internet magħhom nilagħbu flimkien.

F’dil-ħemda, Mulej, nixtieq ngħidlek kemm qed napprezza l-kwiet li hawn madwari. U waqt li qed nitpaxxa f’dan il-kwiet li ninsab fih, se nerħi lili nnifsi f’idejk u nitolbok tgħinni nsib skop f’ħajti.”

Ġunju 2017