Li kieku kellek tilmħu għaddej fit-triq żgur ma tkunx trid li jkollok xi tgħid miegħu. L-hena tiegħu li jara kif se jwerwer lil kull min jiltaqa’ miegħu. Jekk kien jitwebbel għal xi ħaġa, bis-sewwa jew bid-dnewwa kien jakkwistaha żgur. Kemm meta kien għadu l-iskola kif ukoll meta beda jfittex ix-xogħol ta’ spiss kien jhedded lil kull min jiġi taħt idejh biex jieħu dak li jrid u biex dejjem tgħaddi tiegħu.

Lanqas għal tal-familja ma kien iġib ħniena. Kien jieħu gost jara l-biża’ tfeġġ l-aktar f’għajnejn ommu hekk kif kien jheddidha biex tagħtih kulma kien jitlobha. Anke ħuh il-kbir kien iħossu mhedded minnu. Kollox kien jeħodlu: ħwejġu, flusu, il-mowbajl. Ħutu kellhom seba’ mitt sena li jiġi dak il-jum meta jitilqu minn dik id-dar!

Anki missieru kien tilef kull tama fih. Il-pariri li kien jagħtih kienu jaqgħu fuq widnejn torox. Kemm kien jiftaħlu għajnejh missieru u jgħidlu biex ibiddel l-attitudni tiegħu man-nies u anki magħhom stess!

“Se tagħmel waħda tinkiteb, ibni!” kien jgħidlu missieru, “u mbagħad taf kemm se jiddispjaċik wara!” Imma kollu ta’ xejn għax aktar ma kien iwiddbu, aktar kien iħossu kburi jirfes lin-nies taħt saqajh u jagħmel bihom li jrid.

Kien reġa’ twebbel li jrid somma flus f’idu u malajr, imma ommu ma setgħetx tagħtih. Dak il-lejl stess mar għand nanntu, talabaha s-somma tal-flus u, għax lanqas hi ma kellha, beda jgħajjat magħha, isawwatha u bix-xebgħa li taha waqgħet fl-art, ħabtet rasha u ntilfet minn sensiha. Nanntu mietet ftit tas-sigħat wara.

Aktar ’il quddiem, tressaq il-qorti u weħel il-ħabs. Fiċ-ċella tiegħu kien hemm tliet priġunieri oħra. Ta’ spiss kien jaqla’ l-inkwiet għal xejn, jgħajjat magħhom, jheddidhom biex jagħtuh li jrid, u jekk ma jikkuntentawhx kien jaqbad ġlieda. Minħabba l-aġir tiegħu tneħħa minn din iċ-ċella u għamluh f’ċella oħra waħdu.

U kien proprju f’din iċ-ċella ta’ iżolament fejn iltaqa’ ma’ Alla… għall-ewwel darba f’ħajtu.

Il-kappillan tal-ħabs kien avviċinah u tah kopja tat-Testment il-Ġdid. Ma kienx ikollu x’jagħmel, u minn filgħodu sa filgħaxija kien joqgħod jaqra xi silta jew xi parabbola. Aktar ma kien jaqra aktar beda jiskopri kemm hi kbira l-imħabba t’Alla għal kull bniedem, hu min hu, u għamel x’għamel f’ħajtu. Kien iħoss li kull silta li jaqra kienet ħajja u donnha miktuba għalih personali.

Darba qara li Ġesù ra lin-nies u tħassarhom, għax kienu mdejqa u mitlufa “bħal nagħaġ bla ragħaj”. Issa kien qed jistħajjel lil Ġesù jitħassar lilu ukoll għax hu hekk kien: nagħġa bla ragħaj. Imma f’din iċ-ċella sab ’l Alla jiggwidah u jilqgħu lura fi ħdanu. Beda jġarrab il-ħniena u l-maħfra tiegħu, u mtela b’ħeġġa kbira biex iħobb lil Ġesù.

Wiegħed lilu nnifsu li jirriforma ruħu. Beda jsegwi r-regolamenti tal-ħabs u sar ubbidjenti. B’riżultat ta’ dan aktar ’il quddiem reġgħu mexxewh f’ċella oħra mal-priġunieri. Kien sar t’eżempju tajjeb għalihom. Tant kien iħoss lil Alla viċin tiegħu li beda jaqsam dan il-ferħ magħhom ukoll u flimkien ma’ xi wħud minnhom kienu jaqraw xi silta mill-Vanġelu u jirriflettu fuqha. Kien verament kuntent bil-bidla f’ħajtu u f’ħajjet dawk ta’ madwaru. Kien reġa’ qisu rxoxta mill-ġdid… beda jgħix mill-ġdid… u allura beda wkoll ħajja ġdida li beħsiebu jkompli jgħix hekk kif joħroġ mill-ħabs u jerġa’ jingħaqad mal-familja u l-ħbieb tiegħu.

Marzu 2016