Ages
  • Primary Years
  • Middle Years
  • Secondary Years
  • Post-Secondary Years
Topics
Bookmark

Ħrafa tal-Lvant tirrakonta li kien hemm sultan li sikwit kien jitlob lill-għorrief ta’ madwaru:

“Għinuni nsib il-paċi!”

U l-għorrief kienu bl-imħatra min kapaċi jikkuntentah. Offrewlu bosta riċetti: “kul tajjeb… fittex il-kumpanija tal-ħbieb…ilbes sabiħ… mur f’pajjiżi oħra…” Iżda donnha li ebda riċetta ma kienet tissodisfah għad li kollha ppruvahom.

Lejl wieħed, is-sultan qam f’daqqa għax eżatt fuq rasu beda jisma’ tisbit u taħbit. Libes u mar ma’ żewġ suldati biex jara x’kien ġara. U lemħu raġel xwejjaħ li kien qed jagħti kemm kellu saħħa b’ġebla fuq il-bejt.

“Hemm x’int tagħmel?” staqsewh waqt li s-suldati qabduh bejn idejhom godlija.

“Ħarabli l-ġemel u qed insejjaħlu bit-taħbit… għax hekk imdorri nagħmel!”

“U tista’ xi darba ssib il-ġemel fuq il-bejt?” staqsa mbissem is-sultan. “Xjaħt u bliht ħabib!”

“Jien veru iblah li ġejt infittex il-ġemel fuq il-bejt imma int iblah iktar minni għax qed tfittex il-paċi f’kollox barra Alla. Il-ġemel ma nsibux fuq il-bejt…imma anqas int m’inti ser issib il-paċi fil-ħwejjeġ maħluqa.”

Il-President Abraham Lincoln darba kien qed jitkellem fuq wieħed poltikant li kien b’ruħu u ġismu kontra tiegħu, iżda flok jgħajru qal biss kliem ta’ tifħir fuqu. Waħda mara, li kienet tisimgħu qaltlu:

“Għaliex qed titkellem b’tant ħniena fuq min jobogħdok? L-għedewwa tiegħek aħjar teqridhom!”

“U taħseb li ma nkunx neqridhom minn għedewwa jekk bi kliemi jirnexxili nagħmilhom ħbieb?” staqsa l-President.

Dennis J De Haan jirrakonta kif irnexxielu jħabbeb żewġ għedewwa li kienu ilhom snin ma jitkellmu.

 Dennis iltaqa’ ma’ Brown u qallu:

“Xi tgħidli għal Smith?”

L-iktar bniedem mill-agħar li qatt iltqajt miegħu,” qallu Brown.

“Imma kemm iħobbha l-familja,” qallu Dennis.

Lill-familja jħobbha imma għalija jibqa’ mill-agħar.”

Ftit wara Dennis iltaqa’ ma’ Smith u qallu:

“Xi tgħidli għal Brown?”

L-agħar bniedem li qatt għamilta miegħu”.

“Mhux bħalma qalli hu għalik. Tgħidx kemm faħħrek għax tħobb il-familja.”

“Mhux soltu jfaħħarni man-nies, imma int ma tigdibx u minkejja d-difetti tiegħu, Brown sinċier.”

Bilġri Dennis mar fejn Brown u qallu li Smith kien faħħru ħafna għax kien sinċier. U hekk Dennis irnexxielu jħabbibhom.

Kapaċi nagħmlu l-istess aħna jew nippreferu nitfgħu l-pitrolju fejn diġà jkun hemm in-nar?

Dan li ġej huwa parti minn kitba li kiteb Franklin Roosevelt, it-32 President tal-Istati Uniti kellu jaqra fl-14 t’April fl-1945, proprju ftit wara li spiċċat it-II Gwerra Dinjija fl-okkażżjoni kellha tkun dik tal-Jefferson Day, iżda sfortunatament Franklin Roosevelt laħaq miet. Parti mill-kitba li ħalla kienet tgħid hekk:

“L-akkwist u l-qabda tal-għedewwa mhix biżżejjed. Irridu nagħmlu ħilitna kollha sabiex bil-qawwa nirbħu d-dubji u l-biżgħat, l-injoranza u x-xeħħa li għamlu din il-ħerba ta’ gwerra possibli.

Illum, aħna għandna sfida importanti quddiemna li jekk iċ-ċivilizazzjoni umana trid tgħix, irridu nieħdu ħsieb ix-xjenza tar-relazzjonijiet umani… l-abiltà li l-bnedmin kollha, ta’ kull ġens, jgħixu u jaħdmu flimkien fl-istess dinja fil-paċi”.

Leġġenda antika kienet tgħid li xi mkien lejn nofs id-deżert kien hemm spiera li min jixrob mill-ilma tagħha ma jaqbdux aktar għatx. Daqshekk jixrob dak li jirnexxilu jniżżel ftit ilma minnha! Fil-verita’ ftit kienu jemmnuha din l-istorja.

Iżda jum minnhom raġel irnexxielu jsib mappa li kienet turi l-post eżatt fejn hemm din l-ispiera. Ħeba l-karta b’tali mod li ħadd ma jsibha u telaq bilġri jfittexx da nil-post maġiku. Iżda ħadd qatt aktar ma sema’ b’aħbaru.

Għaddew is-snin u xi ħadd ieħor sab din l-imbierka mappa. Ma qal lil ħadd, poġġa l-mappa f’post moħbi, u telaq waħdu jfittex l-ispiera. Iżda anke dan għeb u ħadd iktar ma sema’ bih.

Reġgħu għaddew ħafna snin sa ma xi ħaddieħor sab din il-mappa u l-istorja rrepetiet ruħha. Hekk għal bosta sekli sakemm fl-aħħar il-mappa waslet f’idejn xi ħadd li ma riedx li jżommha għalih u wrieha lil kulħadd. Ftit kienu dawk li emmnuh. Il-maġġoranza tan-nies qalulu li dawk kienu ħmerijiet tan-nanna. Kienu grupp żgħir li marru jfittxu din l-ispiera. Il-vjaġġ kien diffiċli. Is-sħana tad-deżert kienet tremenda. Iżda billi kienu grupp għenu lil xulxin u qasmu bejniethom l-ilma li kienu ħadu magħhom mid-dar.

Wara ġranet shah ta’ mixi fid-deżert sabu l-ispiera. Iżda raw xena li baqgħet stampata f’moħħhom. Madwar l-ispiera kien hemm mijiet ta’ skeletri umani. Resqu lejn l-ispiera u ħarsu ‘l isfel. Fil-fond setgħu jilmħu l-ilma jleqq iżda ma kien hemm xejn biex itellgħuh. B’hekk l-oħrajn kienu kollha mietu bil-għatx. Kulħadd kien fittexx l-ilma waħdu u għalhekk weħidhom ma rnexxilhomx itellgħuh.

Bdew jaħsbu kif ser itellgħu l-ilma. La kellhom barmil u anqas ħabel. Bi ħwejjiġhom għamlu ħabel twil. Fit-tarf rabtu flixkun u ħallewh jaqa’ fl-ilma.

B’dak il-mod setgħu jixorbu l-ilma mirakuluż u b’għaġeb ta’ kulħadd qatt iktar ma tahom għatx.

Is-sigriet kien li riedu jgħinu lil xulxin.

Kienu sitta minn nies – sinjur u fqir, raġel abjad u ieħor iswed, ħaddiem tal-id u ieħor tal-moħħ – imdawrin man-nar u barra ksieħ terribli li jxoqq il-għadam. Kienu qed jistennew l-għajnuna u kollha kellhom bastun li setgħu jitfgħuh fin-nar biex ikomplu jgawdu s-sħana tal-ħuġġieġa. U meta l-fjamma kienet qed titbaxxa donnu ħadd minnhom ma ried jitfa’ l-bastun tiegħu. Għax is-sinjur qal: “Mela x’nagħmel ma nitfax il-bastun tiegħi fin-nar biex igawdi dan l-għażżien ta’ fqir”.

U l-fqir qal: “Mela x’nagħmel ma nitfax il-bastun fin-nar biex igawdi dan l-egoist ta’ sinjur li għandna magħna”.

U l-abjad ma riedx jitfa’ l-bastun għax kien hemm l-iswed u dan ma riedx jitfa’ l-bastun biex ma jħallix l-abjad igawdi miegħu. U l-ħaddiem tal-id ma riedx li bil-bastun tiegħu jgawdi l-ħaddiem tal-moħħ li għalih kien għażżien u parassita, u l-ħaddiem tal-moħħ ma riedx li jaħli l-bastun għal bniedem li bilkemm kien jaf jikteb.

U hekk komplew jirżħu bil-bard għax it-temperatura baqgħet nieżla iżda ħadd minnhom ma ried iċedi għax għalih dawn kien prinċipji. U l-fjamma baqgħet tiddgħajjef u tidgħajjef imma ebda bastun ma ntefa’ fin-nar biex jerġa’ jivvampa.

U hekk in-nar intefa u s-sitta li kienu spiċċaw mejta bil-bard u l-ksieħ, iżżommu f’idejhom l-bastun li ma ridux jaqsmu mal-oħrajn. U hekk sabuhom meta waslet l-għajnuna li kienu talbu.

Henry Ford, il-famuż inventur tal-assembly line fil-manifatura tal-karozzi, darba qal hekk: “Li nibdew flimkien huwa l-bidu; li nkomplu flimkien huwa progress; li naħdmu flimkien huwa suċċess.”

Kemm huwa vera dan il-kliem ta’ Henry Ford. Li kienu kellna ninsew id-diiferenzi ta’ bejnietna u niffukaw fuq li naħdmu flimkien, li kieku żgur li d-dinja tagħna tkun ħafna aħjar!

Fil-fatt biex norbot ma dak li qal Henry Ford, Marcus Aurelius, Imperatur Ruman kien qal dan li ġej: “Aħna maħluqin sabiex nikkoperaw flimkien, bħas-saqajn u bħal idejna. Mela li neħduha kontra xulxin hija kontra l-istess natura.”

Kienet parroċċa żgħira imma fiha kien hemm firdiet kbar. Il-kappillan il-ġdid xtaq jagħmel xi ħaġa biex jirranġa s-sitwazzjoni. Ħejja prietka sabiħa fuq l-imħabba u l-għaqda u l-parruċċani tgħidx kemm ħadu gost jisimgħuh għax kienet prietka studjata u mirquma bi kliem sabiħ.

Iżda l-Ħadd ta’ wara l-kappillan għamel l-istess prietka. Il-parruċċani ħasbu li għamel hekk biex ikun żgur li ħadd mill-parruċċani ma jitlef il-prietka. Iżda meta għamel l-istess prietka fit-tielet, r-raba’ u l-ħames ħadd kulħadd beda jilmenta. Ma jistax jkun li jibqgħu l-istess prietka Ħadd wara Ħadd. Iffurmaw delegazzjoni u marru fejn il-kappillan:

“Sur Kappillan, sabiħa dik il-prietka fuq l-imħabba, imma nħossu li ħames darbiet kuljum huma ferm iktar minn biżżejjed biex nifhmuha.”

“Dak għadu bidu. Il-ħsieb hu li nibqa’ nagħmilha għal ħafna ġimgħat oħra… sakemm inkun ċert li l-kliem u l-messaġġ li fiha tibdew tgħixuh. Fil-fatt qed nieħu gost li ġa bdejna fit-triq it-tajba għax qed nara li fid-delegazzjoni hawn nies li fil-ħajja ta’ kuljum kważi anqas isellmu lil xulxin!”

Daqsxejn ta’ tfajjel kellu temperament li jbeżżgħek. Għad li ta’ ftit snin kien jitlagħlu mix-xejn. Li jgħajjat, iħabbat u jkisser kienu l-ordni tal-ġurnata. Tempesta kapaċi jqajjem jekk ma jsirx kif irid hu. Darba missieru tah landa msiemer u martell u qallu biex kull darba li jsaħħan isammar musmar mal-bieb tal-maqjel.

L-ewwel ġurnata daħħal 37 musmar. It-tieni jum daħħal inqas, u t-tielet jerġa’ inqas. Beda jintebaħ li hu aktar faċli li jigdem ilsienu u jiftaħ il-ponn milli jsammar f’dak l-imbierek bieb tal-aħmar. Żomm illum u ssikka għada, sebaħ il-jum li fih ma sammarx musmar wieħed.

Kollu kburi mar ħdejn missieru u qallu bl-akkwist. Dan tah il-parir li kull ġurnata li tgħaddi li fiha jirnexxielu jikkontrolla n-nervi kellu jaqla’ musmar. U wieħed illum u ieħor għada, ftit ftit bdew jinqlgħu. Għaddew bosta ġimgħat u xhur u fl-aħħar irnexxielu jaqla’ l-aħħar musmar li kien waħħal. U issa kburi, iktar minn qatt qabel, mar jiftaħar ma’ missieru.

Dan awguralu iżda komplielu:

“Ħares sewwa lejn il-bieb. Għadu ‘l bogħod minn kif kien fl-ewwel ġurnata. Qishom sparaw għalih …. mimli toqob li ma tista’ qatt timliehom bl-injam li kien fihom. Il-musmar taqalgħu iżda t-toqba hemm tibqa’. Ftakar li azzjonijiet jew kliem iebes li jingħad huma bħat-toqob. Dak li tgħid ma tistax tirtirah. Tista’ lill-bniedem tagħtih daqqa ta’ stallett, u meta toħroġ l-arma minn ġo fih titolbu elf skuża, iżda l-ġerħa hemm tibqa’. Ċertu kliem li ngħidu jkun ħafna aħjar jekk ma ngħiduhx ħalli b’hekk inżommu is-sliem.”


Verżjoni

Raġel xtaq jaqsam minn belt għall-oħra. It-triq kienet twila u diżabitata. Iddeċieda li jikri raġel ħalli jwasslu bil-ħmar tiegħu.

Inzerta ġurnata ta’ xemx tisreġ. Is-sinjur ordna lil sid il-ħmar sabiex iwaqqaf il-bhima għax ma setax jissaporti s-sħana qawwija tax-xemx u xtaq jistrieħ ftit. Fix-xagħri ma kien hemm imkien fejn seta’ jsib ftit dell. Iddeċieda għalhekk li joqgħod għad-dell tal-ħmar.

Sid il-ħmar tħajjar minnu u ntasab ħdejh. Iżda dan xejn ma għoġbu lis-sinjur li kien pront qallu:

“Isma’ jien krejt il-ħmar għal jum kollu u ma nippermetilekx li tgawdi minnu sakemm ikun mikri minni”.

“Le, int krejt il-ħmar biss…jien baqali kull dritt għad-dell. Nordnalek biex twarrab ‘l hemm mid-dell għax dan bi dritt għadu tiegħi.”

U qamu u bdew jiġġieldu. Il-Ħmar imbeżża’ mill-għajjat, ħarab u ħalla lis-sinjur u lis-sid weħidhom f’nofs ix-xagħri.

Bi ftit koperazzjoni bejniethom kienu jgawdu t-tnejn minnu.

Madre Tereża kienet tħobb tgħid: “Ejjew ninsistu iktar li niġbru fondi t’imħabba, ta’ toleranza u ta’ paċi. Il-flus jiġu jekk kemm il-darba nfittxu l-ewwel is-saltna t’Alla – il-bqija jiġi mogħti lilna.”

Aktarx li l-isem Elizabeth Kenny ma jfisser xejn. Iżda mhux hekk għal eluf ta’ pazjenti Awstraljani li tul is-snin ġew bżonn u użaw is-servizzi pprovduti minn klinika li tagħha Elizabeth kienet in-nurse prinċipali.

Il-pazjenti kollha kellhom l-istess sentiment.

“Bniedma ta’ qalb kbira. Dejjem bi tbissima.”

“Lesta dejjem li tgħin u ma tħarisx lejn l-uċuħ”.

“Issir ħabiba tiegħek malli tidħol fil-klinika. Tħossok li ilha tafek is-snin”.

U kollha wkoll kienu jaqblu li l-iktar ħaġa li kienu jammiraw fiha kienet il-kalma u d-daħka sinċiera li kienet iġġorr kull fejn tmur.

U darba wieħed ġurnalist staqsieha:

“Ms Kelly, għid il-verità, naħseb li int f’għomrok kollu qatt ma tlift sabrek. Jekk ikolli ngħid int twelidt kalma u ma tgħallimt qatt tisbel”.

Elizabeth tbismet u qaltlu:

“Għandek żball. Meta kont żgħira kont sikwit nitlef sabri fuq l-inqas ħaġa. Biżżejjed waħda minn sħabi tgħidli kelma żejda jew tiddawwar anke bi ftit minuti għal xi appuntament. Imma darba ommi tatni parir li baqa’ f’moħħi għal dejjem. Qaltli:

“Liz ftakar li min jirnexxilu jinnervjak ikun rebħek!”

Ħadd ma jieħu gost jintrebaħ. Mela jiswa li ma nitilfu qatt is-sabar u l-kalma ħalli b’hekk inżommu l-paci fina u madwarna.

Ċiniż kien jgħix waħdu fuq il-muntanja ġo għarix. Isfel fil-wied kienu jgħixu tliet bdiewa ħbieb tiegħu. Darba, il-bidwi, ta’ fuq il-muntanja, sema’ ħoss qawwi u ra lqugħ tal-ilma, mili ‘l bogħod, jiġġarraf u gliegel ta’ ilmijiet bdew iserrpu mal-wied.

Il-bidwi dlonk ftakar fit-tlett iħbieb tiegħu. Ried jaħseb malajr kif seta’ jeħlishom mill-periklu mdendel fuqhom. Resaq lejn l-għarix u tah in-nar. Imbgħad beda jdoqq b’kemm kellu ħila fuq qanpiena li kellu fil-qrib. Il-bdiewa tal-wied semgħu l-ħoss tal-qanpiena u raw id-duħħan. Intebħu li seħibhom kellu bżonn l-għajnuna. Bla telf ta’ żmien ħallew kollox u telqu lejn il-muntanja.

U kienu fil-ħin għax wara l-ilmijiet waslu sa ħdejn darhom u kaxxkru kollox. Imma l-bdiewa kienu diġa telgħu biċċa sewwa u ħelsuha ħafif.

Lhudi kien darba fil-bieb tal-għarix tiegħu. Jara raġel għaddej, għajjien, jivvjaġġa minn post għall-ieħor.

“Għaddi,” stiednu l-Lhudi. Kien raġel xwejjaħ, iserraħ fuq il-bastun. Wara li laqgħu f’daru ħasillu saqajh u ġablu ftit ikel sħun biex jitrejjaq. Iżda l-Lhudi ntebaħ li x-xwejjaħ beda jiekol mingħajr ma lissen talba.

“Għax ma tajtx ħajr lil Alla ħallieq ta’ kollox?” staqsa l-Lhudi. L-ieħor wieġeb:

“Jien nadura biss in-nar u ma nemmen f’ebda Alla.” wieġbu dak.

Il-Lhudi telgħulu. Qam u xeħtu ‘l barra minn daru. Il-Mulej deher lil Lhudi u xtaq ikun jaf għala keċċieh.

“Tfajtu ‘l barra għax lilek ma jqimekx!” wieġbu l-Lhudi.

Iżda l-Mulej wieġbu: “Jien ilni mitt sena nissaportih. Int m’għandekx il-ħila tissaportih lejl wieħed biss?”

Xi drabi inkun pronti nfittxu ma ħaddieħor anke dak li hu t’Alla. Min naħa tiegħu hu jibqa’ jissaportina.

Raġel kien qiegħed imut. Sejjaħ lil uliedu maġenbu u qalilhom: “Ma tantx għandi ġid x’inħalilkom għajr is-17-il żiemel li kont nuża għax-xogħol. Dawn irridkom taqsmuhom hekk: Il-kbir jieħu nofshom, tan-nofs jieħu terz u ż-żgħir jieħu wieħed mid-disgħa”.

Ir-raġel miet, iżda meta l-ulied ġew biex iwettqu xewqat missierhom ma setgħux. Għax kif seta’ l-kbir jieħu nofs 17 jew tan-nofs jieħu terz minnhom bla ma jinqatlu xi żwiemel? Tlewmu bi sħiħ iżda ħadd ma ried iċedi. Fl-aħħar iddeċidew li jmorru ħdejn l-għaref tar-raħal. Meta dan sema’ l-istorja, l-għaref offrielhom iż-żiemel tiegħu biex igħodduh ma’ tagħhom. It-tfal ma ridux iżda fl-aħħar kellhom jaċċettaw. Issa t-tqassim kien faċli.

Iżda b’għaġeb kbir tagħhom kien fadal żiemel żejjed…il-ġemel tal-għaref. Dawn qabduh u telqu bih lejn id-dar filwaqt li qalilhom:

“Missierkom ried igħallimkom li meta tinqala’ xi kwistjoni bejnietkom aħjar tirranġaw bil-kelma t-tajba milli tħallu t-tilwima tifridkom!”

U l-aħwa marru lejn id-dar deċiżi li ma jiksru qatt xewqet missierhom.

Żewġt iħbieb kienu sejrin flimkien ġo raħal fil-foresta. F’daqqa waħda raw quddiemhom ors selvaġġ. Ma’ xulxin aktarx li ma kinux jibżgħu minnu, iżda wieħed mill-ħbieb għażel li jaħrab – b’ġirja waħda telaq lejn siġra għolja, xxabbat magħha u nħeba fil-friegħi tagħha.

Issa l-ieħor sab ruħu waħdu u kien jaf li xejn ma seta’ jagħmel mal-ors. Għalhekk intefa’ mal-art u għamilha tal-mejjet. (Hu kien ċert li l-ors ma jmissx ġisem mejjet). F’ħakka t’għajn l-ors wasal fuqu, xammu u reġa’ xammu. Qalb il-vjaġġatur waqfet bil-biża’ meta ħass imnifsejn l-ors iħokku ma’ wiċċu. Imbagħad l-ors kompla fi triqtu.

Meta l-periklu għadda, sieħbu niżel mis-siġra u bid-daħka staqsieh: “Ħabib, x’qallek l-ors għax rajtu jsefsiflek xi ħaġa f’widnejk?” Wieġbu pront l-ieħor: “Qalli biex noqgħod attent fl-għażla tal-ħbieb, għax ma tantx hu ħabib sinċier dak li jħallik waħdek meta jitfaċċa l-periklu”.

Ilkoll skantajna bl-għalliem tagħna. Narawh dieħel fil-klassi bi tliet borom żgħar, xi ilma…

Qalilna li ried jagħmel esperiment, u aħna ż-żgħażagħ imqarba, dħakna bil-qalb – anzi għoxejna bil-ħsieb ta’ dak li seta’ jiġri jekk l-esperiment ifalli.

L-għalliem stedinna noqorbu lejn il-mejda u fil-borom poġġa l-ingredjenti li ġab miegħu. f’waħda għamel il-karrotti, fl-oħra bajda u f’tal-aħħar niskata kafe. U f’kollha tefa’ l-ilma u ħalliehom jagħlu sewwa. U meta l-ilma kien ilu jbaqbaq ftit minuti, l-għalliem ħareġ il-karrotti li kien artab, ħareġ il-bajda li kienet iebsa għuda u l-kafe kien issa sparixxa u sar ħaġa waħda mal-misħun ibaqbaq.

U l-għalliem talabna mmorru f’postna. Imbagħad qalilna:

“L-ilma hu l-ħajja li kultant taf tkun kiefra magħna. Issir misħun ibaqbaq. Quddiem dan it-twegħir uħud jiġrilhom bħall-karrotti li minn frotta iebsa jsiru rotob. Mhumiex kapaċi jirreżistu. Jiddgħajfu quddiem l-iebes u t-tbatija. Oħrajn jiġrilhom bħall-bajda: minn qalb tenera u nobbli jsiru iebsa ma’ ta’ madwarhom għax il-ħajja tkun dewqithom il-morr tagħha. Oħrajn jiġrilhom bħall-kafe. Quddiem l-iebes tal-ħajja jagħmlu ħilithom biex flok iħallu l-misħun ikiddhom, ibiddluh fir-riħa u t-togħma tagħhom. Fil-ħajja kunu bħall-kafe, ħbieb tiegħi. Tħallux l-iebes tal-ħajja jdgħjifkom u jagħmilkom bla sinsla. Jew tant ikiddkom li jagħmilkom iebsa u bla qalb ma’ ta madwarkom”.

Daqshekk għallem l-għalliem dik l-għodwa. Bagħatna ‘l barra nilgħabu, imma t-tagħlima li tana għadha magħna u lili personali tibqa’ sservini ta’ kuċċarina għasel fi triq il-ħajja.

Proverbju Ċiniż:

Jekk għandu jkun hemm paċi fid-dinja,

Għandu jkun hemm paċi bejn in-nazzjonijiet.

Jekk għandu jkun hemm paċi bejn in-nazzjonijiet

Għandu jkun hemm paċi fl-ibliet.

Jekk ikun hemm l-paċi fl-ibliet,

Għandu jkun hemm paċi bejn il-ġirien.

Jekk għandu jkun hemm paċi bejn il-ġirien,

Għandu jkun hemm paċi fid-dar.

U jekk ikun hemm li l-paċi fid-dar,

Għandu jkun hemm paċi fil-qalb.

Grazzi lis-Sur Duncan Ciappara li ġabar u qasam dal-istejjer.



We want to get to know you. To be able to bookmark your favourite content, please log in or sign up below.

User Sign Up

  • This field is for validation purposes and should be left unchanged.


Discover more resources