Jum minnhom raġel iddeċieda, “Irrid nitgħallem kollox. Jekk ikun hemm bżon, indur dawra mad-dinja u nitgħallem dak kollu possibbli.” Hekk iddeċieda u hekk għamel. Beda jterraq mat-toroq imserrpa tad-dinja. Mill-aqwa professuri tgħallem il-ġeografija, l-istorja u l-firxa kollha tax-xjenzi. Skopra t-teknoloġija, entużjażma ruħu għall-matematika u ġġennen fuq l-informatika. Irrekordja kollox u ried kopja ta’ kull tagħrif li sab. Mar lura lejn id-dwejra tiegħu ferħan u sodisfatt. “Issa tassew naf kollox!” kien itenni lilu nnifsu.
Xi jiem wara għamel żjara lil persunaġġ famuż, magħruf mad-dinja kollha għall-għerf straordinarju tiegħu. Xtaq iqabbel l-għerf tiegħu ma’ ta’ dan il-bniedem – akbar mir-realtà. Sabiex ikunu jistgħu jibdew, qatgħu x-xorti biex jaraw min ser jistaqsi l-ewwel mistoqsija. Ix-xorti daħket lill-persunaġġ famuż. Dan dar lejh u staqsieh: “X’taf fuq il-ħbiberija?”
Ir-raġel reġa’ telaq, bla ma lissen kelma. Għadu jdur mad-dinja.
Il-kanzunetta ta’ Rolf Harris, Two little boys tirrakonta ġrajja ta’ żewgt itfal żgħar. Dawn darba minnhom ikunu qed jilgħabu fuq żewġ żwiemel tal-injam. Iżda tifel minnhom meta jkun qed jixxala fuq dahar iż-żiemel tiegħu, iqaċċatlu rasu, u dan il-povru tifel jinfaqa’ jibki kemm jiflaħ. L-ieħor meta jara dan, igħidlu: “Għaliex qed tibki? Ejja irkeb fuq dahar iż-żiemel tiegħi, dan għandu post għalik ukoll.”
U dak it-tifel hekk għamel u reġa’ beda jieħu gost kif kien.
Għadda ż-żmien, meta dawn iż-żewġt itfal saru rġiel inzertaw f’battalja qed jiġġieldu kontra l-għadu. Wieħed mit-tfal, li meta kien żgħir kien offra lill-ieħor jitla’ fuq dahar iż-żiemel tiegħu, intlaqat mill-għadu. Iż-żiemel li kellu issa, li kien tal-laħam, intlaqat sewwa u miet u dan safa ferrut għall-mewt. F’daqqa waħda jara ġej għal ħdejh sieħbu mlebbet fuq żiemel jiġri kemm jiflaħ. Dan kien semgħu jokrob u għalhekk ġie jiġri biex jagħtih l-għajnuna. “Itla’ fuq dahar iż-żiemel tiegħu, għax hawn post biżżejjed fejn noqgħodu t-tnejn,” qallu. U dawn l-istess bħal meta kienu għamlu meta kienu tfal, rikbu t-tnejn fuq dahar iż-żiemel u hekk dan sieħbu ġie salvat mill-mewt bikrija.
Ole Bull u John Ericson kienu ħbieb kbar. Trabbew fl-istess triq – Ole sar vjolinist famuż u John kiseb isem għalih bl-invenzjonijiet li għamel. Ta’ sikwit, Ole kien jibgħat inviti lil sieħbu biex iħajru jattendi għal xi serata ta’ mużika imma John kien iwieġbu:
“Ħabib, tant jien imħabbat li ma nistax nitlef 3 sigħat nisimgħek tħarbex fuq vjolin. Għalija d-daqq tal-kordi ma jfisser xejn!”
Peress li kien jafu sewwa Ole qatt ma ħa għalih. Anzi darba qabad il-vjolin u rħielha lejn l-uffiċċju ta’ ħabibu. Baqa dieħel ħdejh, sakkar il-bieb minn ġewwa, intasab fuq is-siġġu u beda jdoqq. John tgħidx kemm daħak imma bil-mod il-mod it-tbissim sarkastiku għeb u ntilef jisma’ l-ħlewwa li jafu jagħtu l-kordi meta mħaddma minn id ta’ imgħallem. Nesa x-xogħol, nesa l-impenji kollha u ssaħħar jisma’. Imbgħad mar fejn sieħbu, għannqu miegħu u qallu:
“Grazzi ħabib li dewwaqtni din il-benna. Kemm kont iblah li qatt ma apprezzajtha.” Minn dak inhar John kien jagħmel ħiltu biex ma jitlifx serati li saru qrib beltu minn sieħbu.
Lit-tfal is-soltu jirrakontawlhom ħrafa li twassal tagħlima anke għalina l-kbar. Jgħidu li darba nemla, werżieq u ċentopied saru ħbieb kbar. Għamlu sajf jiltaqgħu ma’ xulxin…in-nemla taħdem u trekken, il-werżieq jizfen u jkanta u ċ-ċentopied ipassi biex jara l-aħjar fejn jista’ jqatta x-xitwa. Ma dħul il-ħarifa ħassew li għandhom jiffesteġjaw il-ħbiberija tagħhom u jwiegħdu lil xulxin li fis-sajf ta’ wara jerġgħu jiltaqgħu. U l-aħjar mod li jiffesteġġjaw ħassew li kien permezz ta’ ikla f’lukanda. Ftehmu li jiltaqgħu fis-sebgħa ta’ fil-għaxija.
In-nemla ħasbet kmieni u l-istess għamel il-werżieq. Intasbu fuq mejda jistennew lil seħibhom u flu l-ikliet li kien hemm imħejjija biex jagħmlu għażlu tajba. Daqqew s-sebgħa u ċ-ċentopied ma deherx. Il-minuti bdew għaddejin bil-mod. Iddejqu jistennew. Kienu saru s-sebgħa u nifs. Fl-aħħar seħibhom deher ġej b’pass ħafif. In-nemla kienet irrabjata għalih u qaltlu:
“Kemm domt? Ilna nofs siegħa nistennewk.”
“Fis-sebgħa kont hawn imma tgħidx kemm ilni ħdejn il-bieb.”
“Tigdibx! Il-bieb kien miftuħ. Stajt tibqa’ dieħel.”
“Mhux meta fil-bieb kien hemm l-avviż IMSAĦ SAQAJK SEW. U jien biex nimsaħ mitt sieq irrid iż-żmien”.
Lincoln kien ta’ spiss jirċievi eluf ta’ ittri mingħand is-suldati tiegħu fejn kienu jitolbuh maħfra wara li jkunu naqsu. Kull appell kien jasallu bl-idejn min-nies midħla biex jikseb il-maħfra u kiteb lil Lincoln nnifsu. “X’inhu?” stagħġeb Lincoln. “Possibbli li dan ir-raġel m’għandu l-ebda ħabib?”
“Le sinjur. Lanqas wieħed!” irrispondih is-segretarju tiegħu.
“Ma jimpurtax” qallu l-president. “Mela nsir jien il-ħabib tiegħu.”
Fi żmien il-ħakma tal-Kżar Nikola, suldat fqir Russu kien qiegħed bilqiegħda fil-barracks jaħseb imdejjaq. Kellu ħafna dejn u tilef kull tama li jista jħallsu. Fid-dwejjaq tiegħu,qabad biċċa karta u niżżel lista tad-dejn kollu u n-naħa ta’ isfel kiteb: “Iżda min se jħallsu?”
Kien għajjien, u wara ftit għajnu marret bih u raqad. Ftit ħin wara, għadda minn maġenbu l-Kżar u meta rah rieqed, waqaf u nduna b’dik il-lista u qara kull ma kien hemm miktub. Ħareġ lapes u isfel kiteb: “Iħallsu Nikola”.
Meta dak is-suldat qam u ra l-firma tal-Kżar ma setax jemmen lil għajnejh. Ħaseb li dik kienet ħolma. L-għada fil-għodu rċieva mingħand il-Kżar il-flus kollha li kellu bżonn.
Kienet tfajla nieqsa mid-dawl. Qatt ma setgħet tara l-ġmiel ta’ lejla bil-qamar u mimlija kwiekeb jew il-ġmiel tar-raba mimli siġar u ħxejjex ta’ kull għamla. Qatt ma immaġinat il-ġmiel tal-ħolqien.
Wieħed kompożitur ried lil lil din it-tfajla għamja jġegħelha tara u tħoss lejla ta’ dawl ta’ qamar. Għalhekk dan il-bniedem kbir fi ħsibijietu ħaseb biex jikkomponilha biċċa mużika sabiħa li għalina hija kapulavur. Kien Beethoven, u l-mużika li ħoloq hija magħrufa ħafna, il- “Moonlight Sonata”.
Arthur Benson fil-ktieb tiegħu Along the Road jikteb hekk:
“Ħafna nies qatt ma jiktbu lill ħbieb tagħhom antiki. Dan għaliex jaħsbu li jekk ser jiktbulhom iridu jiktbu fit-tul. Iżda dan huwa żball kbir. B’din il-prattika silenzjuża, ħafna ħbiberija tajbin jiġu mkissrin. Il-punt huwa l-ittra, mhux it-tul tagħha jew il-kwalità ta’ letteratura li fiha. Minn naħa l-oħra, hija ħasra li taħseb li ftit kliem miktub fuq biċċa karta tlett jew erbgħa darbiet f’sena jistgħu jsalvaw ħbiberija milli tmut min-nuqqas ta’ mħabba vera.
Charles Plumb, kien bdot fin-navy Amerikana waqt il-gwerra tal-Vjetnam. Wara 75 missjoni li Charles intbagħat fuqha bħala bdot, l-ajruplan tiegħu intlaqat b’missila. Huwa rnexxielu joħroġ u jaqa’ bil-parachute ġewwa territorju tal-għadu. Huwa nqabad mill-istess għadu iżda wara 6 snin f’pajjiż kommunist, inħeles.
Darba minnhom Plumb u l-mara tiegħu kienu ġo restaurant meta raġel fin-naħa l-oħra tal-mejda għarfu u qallu: “Inti Charles Plumb! Kont itajjar il-ġets ġewwa l-Vjetnam mill-aircraft carrier Kitty Hawk hux tassew?, sakemm imbgħad laqtuk b’missila”
“Kif taf dan kollu?” staqsieh Plumb. “Jiena kont dak li nippakkja l-parachute tiegħek kull darba li tkun ser ittir” wieġbu dak, “nispera li ħadem dak inhar!”
“Li kieku ma ħadimx miniex hawn illum”, wieġbu Plumb bit-tbissima u wara li rringrazzjah sellmu lil xulxin.
Plumb ma setax jorqod dak il-lejl. Baqa’ jaħseb fuq dik il-laqgħa ma’ dak ir-raġel. Min jaf kemm il-darba kien rah lil dak ir-raġel iżda qatt ma qallu “L-ghħodwa t-tajba jew kif int ħabib?”. Min jaf kemm qatta sigħat dak ir-raġel bil-galbu kollu jifred il-ħbula minn ma’ xulxin u jgħaddihom waħda waħda minn ġol-gvieret tal-parachute.
Plum ireallizza li f’ħajjitna hemm ħafna nies li qed jippreparaw ħafna parachutes f’ħajjitna u li f’ħajjitna ninsew dak li verament huwa importanti. Ħafna drabi ninsew ngħidu grazzi, jekk jogħġbok jew nifirħu ma xi ħadd, ngħaddu kumpliment jew nagħmlu xi ħaġa sabiħa għal ħbieb tagħna.
Żewġt iħbieb kienu mexjin fid-deżert. Waqt il-vjaġġ tagħhom kellhom argument, u wieħed mill-ħbieb ta’ daqqa ta’ ħarta f’wiċċ l-ieħor fis-saħna tal-argument.
Dak li qala d-daqqa ta’ ħarta, għalkemm weġġa’ ma qal xejn iżda kiteb fir-ramel:
Illum l-ikbar ħabib tiegħi tani daqqa ta’ ħarta ġo wiċċi.
Huma komplew mexjin sakemm sabu Oasi u ddeċidew li jinħaslu fih. Iżda dak li qala d-daqqa ta’ ħarta beda jegħreq iżda sieħbu kien pront u telgħu ‘il fuq mil-ilma. Wara dil-ġrajja huwa kiteb fuq ġebla: “Illum l-ikbar ħabib tiegħi salvali ħajti”.
Dak li salvah u tah id-daqqa ta’ ħarta staqsieh: “ Għaliex wara li weġġajtek inti ktibt fir-ramel u issa ktibt fil-blat?”
Bid-daħka fuq fommu, sieħbu qallu: “Meta ħabib jweġġana, aħna rridu niktbu fir-ramel, fejn ir-riħ tal-maħfra jħassar u jnessina dak li jkun ġara, filwaqt li jekk jagħmlilna xi ħaġa tajba, niktbuha fil-blata tal-memorja ta’ qalbna fejn l-ebda riħ ma jista’ jħassar.”
Ġurnata waħda, missier ta’ familja sinjura ħa lil ibnu fuq vjaġġ madwar il-pajjiż sabiex jurih kemm hawn nies jgħixu fil-faqar.
Huma qatgħu xi jiem ġewwa razzett f’waħda mil-iżjed familji fqar tal-pajjiż.
Wara li ġew lura mil-vjaġġ, il-missier staqsa lil ibnu: “X’dehrlek mil-vjaġġ?”
“Tajjeb ħafna missier”.
“Rajt kif jgħixu n-nies fqar?” reġa’ staqsieh missieru.
“Iva dażgur!” wieġbu t-tifel.
“Allura għidli; x’tgħallimt minn dan il-vjaġġ?” staqsa l-missier. U t-tifel wieġeb: “Jiena rajt li filwaqt li aħna għandna kelb wieħed, huma għandhom 4. Aħna għandna pool li jasal sa nofs il-ġnien filwaqt li huma għandhom ġibjun id-doppja tal-pool tagħna.
Aħna daħħalna il-bozoz artifiċjali fil-ġnien tagħna, filwaqt li huma bil-lejl jużaw l-istillel.
Aħna għandna art żgħira fejn ngħixu u noqgħodu filwaqt li l-għelieqi tagħhom huma enormi.
Aħna għandna s-sefturi d-dar li jservuna filwaqt li huma iservu lil ħaddieħor.
Aħna jkollna nixtru l-ikel filwaqt li tagħhom jagħmluh huma.
Aħna għandna ħitan madwar id-dar tagħna biex jipproteġuna, huma għandhom il-ħbieb sabiex jipproteġuhom.”
Missier it-tifel tbellah quddiem dit-tweġiba.
Imbgħad it-tifel żied jgħid lil missieru: “Grazzi missier li urejtni kemm aħna fqar.”
Il-mod kif inħarsu lejn l-affarijiet, jgħinuna sabiex nifhmu li fil-ħajja dak li għandek importanti iżda fuq kollox il-persuni jkunu kuntenti meta mdawrin b’nies li jħobbuhom…wara kollox għalhekk il-ħbieb. Napprezzaw iżjed il-ħbieb li għandna.
Gayarre u Saraste kienu żewġ artisti ta’ fama kbira. Gayarre kien ikanta u Saraste kien idoqq il-vjolin fit-teatru Rjali. Ġara li f’lejla kiesħa tax-xitwa meta kienu sejrin lejn id-dar iltaqgħu ma’ fqir nieqes mid-dawl bi vjolin f’idejh, igħajjat: “Għinuni, jekk jogħġobkom!”
“Xi ġralek?”
Weġibhom: “Agħtuni xi ħaġa tal-flus biex inkun nista’ norqod xi mkien taħt saqaf u nitrejjaq b’xi ħaġa, għax qed nirtgħod bil-bard u bil-ġuħ.”
Saraste ħa l-vjolin minn idejn l-fqir u beda jdoqq kif jaf hu, filwaqt li Gayarre beda jkanta. Malajr il-folla bdiet tinġabar u nfexxet tgħajjat u ċċapċap hekk kif dawk iż-żewġ artisti waqfu. Gayarre neħħa l-kappell u filwaqt li sikket il-kotra, qalilhom: “Sinjuri, għall-imħabba ta’ dan il-ħabib tagħna, kulħadd jgħin kemm jista’ biex ikun jista’ jitrejjaq u jgħaddi din il-lejla kiesħa taħt saqaf.” Dan l-appell qanqal il-qlub ta’ dawk li kienu madwarhom u nġabret somma ġmielha. Biha dak il-fqir imsejken kien se jtir bil-ferħ.
Storja Ċiniża,tirrakonta kif sid ta’ għelieqi kbar tar-ross waqt terrimot, minn fuq l-għoljiet fejn joqgħod induna li l-baħar kien qiegħed jofrogħ ħafna, kien ifisser li wara dan se jirritorna b’forza u qawwa li jobrom u jgħerreq lil kull min isib qribu. Iċ-Ċiniż kien jaf x’se jiġri minn dawk l-imsejkna ħbieb tiegħu li kienu jaħdmu fl-għelieqi ta’ ħdejn il-baħar. Imma kif seta javżahom u jurihom il-periklu li kienu jinsabu fih?
Ġieħ malajr il-ħsieb kif jista’ jiġma’ lil dawk in-nies fuq il-għolja fejn kien hu. Mingħajr telf ta’ żmien ta’ n-nar lill-għelieqi tar-ross tiegħu u mar idoqq il-qniepen tal-Knisja. Kif dawk semgħu t-tokki ħarsu ‘l fuq u kif raw in-nar ħasbu li sid il-għalqa qed jitlobhom l-għajnuna u b’ġirja waħda rħewlha għal fuq il-għolja.
Kif kienu lkoll hemm fuq indunaw bil-periklu kbir li kienu jinsabu fih huma. Raw il-mewġa riesqa lejhom daqs annimali feroċi li ħarbtet, qerdet, garret magħha u għarrqet l-għelieqi tar-ross tagħhom.
Kulħadd baqa’ sieket u f’dak is-skiet ilkoll fehmu minn liema diżastru kien ħelishom seħibhom. Għal żmien twil baqgħu jitilgħu fuq il-għolja u jitolbu flimkien għal dak ir-raġel qalbieni li salvalhom ħajjithom.
Wieħed mid-dixxipli ta’ Muhammed, darba mar ħdejh u qallu:
“Mgħallem, jien biss bqajt imqajjem biex infaħħar ‘l Alla; sħabi kollha marru jorqdu”. Muhammed wieġbu: “U int ukoll qabilek tmur torqod, la flok qiegħed tfaħħar ‘l Alla ġejt takkuża lil ħutek.”
Grazzi lis-Sur Duncan Ciappara li ġabar u qasam dal-istejjer